LUQA 24
24
Kapitlu 24
Il-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet
(Mt 28,1-10; Mk 16,1-8; Ġw 20,1-10)
1Kmieni mas-sebħ tal-ewwel jum tal-ġimgħa marru ħdejn il-qabar u ħadu magħhom il-fwejjaħ li kienu ħejjew.#Atti 20,7; 1 Kor 16,2. 2Huma sabu l-ġebla mgerba minn quddiem il-qabar, 3imma meta daħlu fih, il-katavru tal-Mulej Ġesù ma sabuhx hemm. 4U kif kienu mħassbin fuq dan, f’daqqa waħda dehrulhom quddiemhom żewġt irġiel libsin ilbies jiddi.#2 Mak 3,26; Atti 1,10. 5In-nisa, mimlijin bil-biża’, baxxew għajnejhom lejn l-art; imma dawk qalulhom: “L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?#Lq 2,9. 6Mhuwiex hawn, imma qam. Ftakru x’kien qalilkom meta kien għadu fil-Galilija, 7meta qal li jeħtieġ li Bin il-bniedem jingħata f’idejn il-midinbin, ikun mislub, u fit-tielet jum iqum mill-imwiet.”#Mt 16,21; 17,22-23; 20,18-19; Mk 8,31; 9,31; 10,33-34; Lq 9,22; 17,25; 18,32-33. 8U huma ftakru kliemu.#Ġw 2,22. 9Telqu lura minn ħdejn il-qabar u marru jagħtu l-aħbar ta’ dan kollu lill-Ħdax u lill-oħrajn kollha. 10Kienu Marija ta’ Magdala u Ġwanna u Marija ta’ Ġakbu#24,10: Marija ta’ Ġakbu: traduzzjoni litterali. Uħud jaħsbu li kienet tiġi ommu. L-identifikazzjoni ta’ dawn il-persunaġġi mhijiex dejjem ħafifa. u n-nisa l-oħra li kellhom magħhom; huma kienu li qalu b’dan lill-appostli.#Lq 8,2-3. 11Imma d-diskors tagħhom l-appostli stħajluh thewdin, u ma emmnuhomx. 12Madankollu Pietru qam u mar b’ġirja lejn il-qabar; tbaxxa biex iħares, imma ma rax ħlief faxex, u raġa’ lura d-dar mgħaġġeb b’li kien ġara.
Fit-triq ta’ Għemmaws
(Mk 16,12-13)
13Dak in-nhar stess ġara li tnejn minnhom kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws#24,13: Għemmaws: raħal li ma nafux sew fejn kien. Jista’ jkun li kien xi 28 km bogħod fuq il-Punent ta’ Ġerusalemm, li jiġu xi ħames sigħat mixi skont xi manuskritti. Stadju: kien xi 180 metru tul., xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, 14jitħaddtu bejniethom fuq kulma kien ġara. 15Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom.#Mk 16,12. 16Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. 17U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?” U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom. 18Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?” 19“X’ġara?” staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu,#Mt 21,11. 20kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. 21Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja!#Lq 1,68; 2,38. 22Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar#Mt 28,1-8; Mt 16,1-8; Lq 24,1-11. 23u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. 24Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!”#Ġw 20,3-8. 25Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l-profeti!#Lq 24,44. 26U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?”#Mt 16,21; Mk 8,31; Lq 9,22; 17,25; Ġw 7,39; 12,16-23; 13,31-32; 17,1-5; Atti 3,13. 27U beda minn Mosè u l-Profeti#24,27: Mosè u l-Profeti: jiġifieri t-TQ kollu; ara 16,29; Atti 26,22; 28,23. kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.#Dt 18,15; S 22,1-18; Is 53; Lq 24,44.
28Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel ta’ birruħu li hu kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod. 29Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm.” Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom. 30U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom.#Lq 22,19. 31Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. 32U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?” 33Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, 34u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!”#1 Kor 15,4-5. 35U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.
Ġesù jidher lid-dixxipli tiegħu
(Mt 28,16-20; Mk 16,14-18; Ġw 20,19-23; Atti 1,6-8)
36Kif kienu għadhom jitkellmu, Ġesù nnifsu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”#1 Kor 15,5. 37Huma twerwru bil-biża’ għax ħasbu li qegħdin jaraw xi fantażma.#Mt 14,26. 38Iżda hu qalilhom: “Għaliex tħawwadtu? Għaliex dan it-tħassib kollu f’qalbkom? 39Araw idejja u riġlejja. Jiena hu! Missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u għadam bħalma qegħdin taraw li għandi jien.” 40Huwa u jgħidilhom dan, uriehom idejh u riġlejh. 41Iżda billi huma, fil-ferħ tagħhom, kienu għadhom ma jridux jemmnu u baqgħu mistagħġba, qalilhom: “Għandkom xi ħaġa tal-ikel hawn?”#Ġw 21,5. 42Huma ressqulu quddiemu biċċa ħuta mixwija#24,42: Biċċa ħuta mixwija: xi manuskritti jżidu u xehda għasel.,#Ġw 21,9-10. 43u hu ħadha u kielha quddiemhom.
44Imbagħad qalilhom: “Meta kont għadni magħkom għedtilkom dawn il-kelmiet, ‘Jeħtieġ li jseħħ kulma nkiteb fuqi fil-Liġi ta’ Mosè, fil-Profeti u fis-Salmi.’ ”#Lq 18,31; 24,27. 45Imbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura. 46U qalilhom: “Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet,#Is 53; Hos 6,2. 47u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm.#1 Tim 3,16. 48Intom xhud ta’ dan.#Ġw 15,27; Atti 1,8. 49U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu.”#Ġw 14,16; 15,26; 16,7; Atti 1,4.
It-tlugħ ta’ Ġesù fis-sema
(Mk 16,19; Atti 1,9-11)
50Imbagħad ħadhom sa ħdejn Betanja#24,50: Betanja: ara nota Mt 21,17., u rafa’ idejh u berikhom. 51U ġara li, huwa u jberikhom, infired minnhom u kien meħud fis-sema.#Atti 1,9. 52Huma nxteħtu fl-art jagħtuh qima, u mimlijin b’ferħ kbir reġgħu lura lejn Ġerusalemm,#Ġw 14,28; 16,22; Atti 1,12. 53u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla.
Currently Selected:
LUQA 24: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.