YouVersion Logo
Search Icon

ĠENESI 24

24
Kapitlu 24
Iż-żwieġ ta’ Iżakk u Rebekka
1Abraham kien xjieħ u mdaħħal fiż-żmien, u l-Mulej kien bierku f’kollox.#Ġen 12,2-3. 2U Abraham qal lill-qaddej tiegħu, l-ixjeħ f’daru, li kien jeħodlu ħsieb ta’ kulma kellu: “Agħmel idek taħt kuxxtejja#24,2: Agħmel idek taħt kuxxtejja: Eligħeżer kellu jaħlef bil-ħajja li kellha toħroġ minn Abraham li ma jħallix li Iżakk jieħu mara mill-Kangħanin imma minn nies Abraham; b’hekk ulied Abraham iżommu safja l-fidi u r-reliġjon tagħhom mit-tinġis tal-Kangħanin pagani. Ara espressjoni letterali Lhudija: ħierġa minn kuxxtejh. Ġen 46,26; Eż 1,5; Mħ 8,30. Waqt dan il-ġest Eligħeżer kellu jgħid naħlef bil-ħajja ta’ Jaħweh … Is-sess għal dawn in-nies kien ħaġa sagra sew maskili sew femminili. Qabbel l-espressjoni Maltija minn qaddis (ġuf) ommok.,#Ġen 47,29. 3u nġagħlek taħlifli bil-Mulej Alla tas-sema u l-art, li ma tiħux mara għal ibni mill-bniet tal-Kangħanin, li jien qiegħed ngħammar f’nofshom.#Ġen 24,37; 28,1-2; Mħ 14,3; Tob 4,12. 4Imma tmur f’arti, u għand niesi, u ħu minn hemm mara għal ibni Iżakk.”
5U l-qaddej wieġbu: “U jekk il-mara ma tkunx trid tiġi miegħi, f’din l-art, ikolli nerġa’ nieħu lil ibnek fl-art li minnha int ħriġt?” U Abraham wieġbu: 6“Qis li ma tiħux lil ibni hemmhekk. 7Il-Mulej, Alla fis-smewwiet, li ħadni minn dar missieri u minn art twelidi, u li kellimni u ħalifli u qalli: ‘Lil nislek nagħti din l-art,’ jibgħat l-anġlu tiegħu quddiemek u int tieħu mara għal ibni minn hemm. 8U jekk il-mara ma tkunx trid tiġi miegħek, int tkun maħlul minn din il-ħalfa tiegħi. Biss lil ibni teħdux hemmhekk.” 9U l-qaddej għamel idu taħt kuxxtejn Abraham sidu u ħaliflu fuq dan il-kliem.
10U l-qaddej ħa għaxar iġmla mill-iġmla ta’ sidu, u l-aħjar mill-ġid ta’ sidu f’idejh; qam u telaq lejn Aram-naħarajm#24,10: Aram-naħarajm: Aram taż-Żewġ Xmajjar jiġifieri il-Mesopotamja mnejn jgħaddu ż-żewġ xmajjar kbar tat-Tigri u l-Ewfrat., lejn il-belt ta’ Naħor. 11U serraħ l-iġmla barra l-belt ħdejn bir tal-ilma għall-ħabta ta’ filgħaxija meta n-nisa joħorġu jimlew l-ilma.#Ġen 29,2-3; Eż 2,16-17. 12U qal: “Mulej, Alla ta’ sidi Abraham, agħtini r-riżq illum, nitolbok, u uri t-tjieba ma’ sidi Abraham. 13Hawn jien wieqaf ħdejn l-għajn tal-ilma u l-bniet tan-nies tal-belt ħerġin jimlew l-ilma. 14Agħmel li ż-żagħżugħa li ngħidilha: ‘Niżżel il-qolla tiegħek biex nixrob,’ u tgħidli: ‘Ixrob int, u jien nisqi l-iġmla tiegħek ukoll,’ tkun hi li int tkun għażilt għall-qaddej tiegħek Iżakk. Minn dan inkun naf li int urejt it-tjieba ma’ sidi.”
15U ġara li qabel ma temm jitkellem, hemm hi, Rebekka, li kienet twieldet lil Betwel bin Milka, mart Naħor, ħu Abraham, ħierġa biex timla l-ilma, bil-qolla fuq spallitha. 16U ż-żagħżugħa kienet sabiħa ħafna fil-għajn, xebba li ebda raġel ma kien għadu għarafha; u niżlet fl-għajn u mliet il-qolla tagħha, u telgħet. 17U l-qaddej mar jiġri jilqagħha u qalilha: “Jekk jogħġbok, ħallini nixrob qatra ilma mill-qolla tiegħek.” 18U hi qaltlu: “Ixrob, sidi,” u niżżlet minnufih il-qolla f’idha, u sqietu. 19Malli temmet tisqih qaltlu: “Ħa nimla wkoll għall-iġmla tiegħek, sakemm jixorbu sa jixbgħu.” 20U minnufih ferrgħet il-qolla fil-ħawt, u reġgħet ġriet lejn il-bir biex timla, u mliet għall-iġmla kollha. 21U r-raġel baqa’ jħares lejha sieket biex jara jekk il-Mulej tahx ir-risq fi triqtu jew le.
22U malli l-iġmla xebgħu jixorbu r-raġel ħa ħolqa tad-deheb tiżen nofs xekel, u żewġ brazzuletti għal idejha jiżnu għaxar xwiekel deheb, 23U staqsieha: “Bint min int? Għidli, jekk jogħġbok, jekk hemmx post għalina f’dar missierek biex ngħaddu l-lejl.” 24U hi weġbitu: “Jien bint Betwel bin Milka, li wildet lil Naħor.” 25U żiedet tgħidlu: “Għandna t-tiben u ħafna għalf, u post ukoll fejn tgħaddu l-lejl.” 26U r-raġel niżżel wiċċu fl-art u qiem lill-Mulej, u 27qal: “imbierek il-Mulej, Alla ta’ sidi Abraham, li ma warrabx it-tjieba u l-fedeltà tiegħu minn ma’ sidi Abraham! U lili, mexxieni l-Mulej fi triqti lejn dar ħu sidi.”
28U ż-żagħżugħa marret tiġri tgħarraf lil dar ommha b’dawn il-ħwejjeġ. 29Rebekka kellha ħuha jismu Laban, u dan Laban mar jiġri ’l barra għal ħdejn ir-raġel ħdejn l-għajn.#Ġen 27,43. 30U malli ra l-ħolqa u l-brazzuletti fuq idejn oħtu u malli sama’ kliem Rebekka oħtu tgħid: “Dan qalli r-raġel,” mar ħdejn ir-raġel u sabu wieqaf bl-iġmla ħdejn l-għajn. 31U qallu: “Idħol ġewwa, imbierek mill-Mulej! Għala bqajt barra? Jien lestejt id-dar u l-post għall-iġmla.” 32U r-raġel daħal id-dar; u Laban ħatt l-iġmla, u tahom it-tiben u l-għalf. U tah l-ilma biex jaħsel riġlejh, u riġlejn in-nies li kellu miegħu. 33U qegħdulu quddiemu biex jiekol, iżda hu qal: “Ma nikolx, qabel ma ngħid li għandi ngħid.” U qallu: “Tkellem.”
34U hu qal: “Jien il-qaddej ta’ Abraham. 35Il-Mulej bierek bis-sħiħ lil sidi u kabbru. Tah imrieħel u baqar, fidda u deheb, irġiel u nisa lsiera, u iġmla u ħmir. 36U Sara mart sidi wildet iben lil sidi fi xjuħitha, u tah kulma għandu. 37U sidi ġagħalni naħliflu u qalli: “La tiħux mara għal ibni mill-bniet tal-Kangħanin, li qiegħed ngħammar f’arthom, 38Imma mur dar missieri, u għand qrabati, u ħu mara għal ibni minn hemm. 39U jien għedt lil sidi: ‘U jekk il-mara ma tkunx trid tiġi miegħi?’ 40U hu weġibni: ‘Il-Mulej, li jien imxejt quddiemu, jibgħat l-anġlu tiegħu miegħek u jagħtik ir-risq fi triqtek u tieħu mara lil ibni minn niesi u dar missieri.#Tob 5,17; 10,13. 41Imbagħad tkun maħlul mill-ħalfa tiegħi, meta tkun mort għand qrabati; u mqar jekk ma jagħtuhilekx, tkun maħlul mill-ħalfa.’ 42U llum wasalt ħdejn l-għajn u għedt: ‘Mulej, Alla ta’ sidi Abraham, jekk int issa se tagħtini r-riżq fit-triq li qbadt, 43hawn jien wieqaf ħdejn l-għajn tal-ilma, iż-żagħżugħa li toħroġ timla l-ilma u ngħidilha: ‘Isqini qatra ilma mill-qolla tiegħek,’ 44u hi tgħidli: ‘Ixrob int u jien nimla għall-iġmla tiegħek ukoll,’ ħa tkun hi l-mara li l-Mulej għażel għal bin sidi.’ 45Kont għadni lanqas temmejt kliemi f’qalbi, li ma ħarġitx Rebekka bil-qolla fuq spallitha u niżlet lejn l-għajn u mliet l-ilma. U jien għedtilha: ‘Agħtini nixrob, jekk jogħġbok.’ 46U minnufih niżżlet il-qolla minn fuqha u qaltli: ‘Ixrob, u nisqi l-iġmla tiegħek ukoll.’ U jiena xrobt u hi sqiet l-iġmla wkoll.
47“Imbagħad jien staqsejtha: ‘Bint min int?’ u hi wieġbet: ‘Bint Betwel bin Naħor, li wilditlu Milka’, u jien qegħedtilha l-ħolqa f’imneħirha u l-brazzuletti f’dirgħajha. 48Imbagħad inżilt wiċċi fl-art, u qimt lill-Mulej; u berikt lill-Mulej, Alla ta’ sidi Abraham, li mexxieni fit-triq it-tajba biex nieħu bint ħu sidi għal ibnu. 49Issa jekk intom tridu turu t-tjieba u tagħmlu s-sewwa ma’ sidi, għiduli: jekk le għiduli wkoll, sabiex indur lejn il-lemin jew lejn ix-xellug.”
50U weġbuh Laban u Betwel u qalulu: “Mill-Mulej ġejja din il-ħaġa. Ma nistgħux ngħidulek tajjeb jew ħażin.#Tob 7,12. 51Hawn hi Rebekka quddiemek, ħudha u mur; u tkun hi l-mara għal bin sidek bħalma qal il-Mulej.” 52U malli l-qaddej ta’ Abraham sama’ kliemhom, niżel wiċċu fl-art u qiem lill-Mulej. 53U mbagħad il-qaddej ħareġ ħwejjeġ tal-fidda u ħwejjeġ tad-deheb, u lbiesi, u tahom lil Rebekka. U ta wkoll ħwejjeġ jiswew lil ħuha u lil ommha. 54U kielu u xorbu, hu u n-nies li kellu miegħu; u raqdu u qamu filgħodu kmieni, u hu qalilhom: “Ħalluni mmur għal għand sidi.”#Tob 7,14; 8,20. 55U ħuha u ommha qalulu: “Ħa toqgħod iż-żagħżugħa għal ftit, imqar għaxart ijiem; imbagħad titlaq.” 56Imma hu qalilhom: “La ddewmunix, la darba l-Mulej ta r-riżq lil triqti, ibagħtuni ħa mmur għand sidi.” 57U huma weġbuh: “Ħa nsejħu liż-żagħżugħa, u nsaqsuha xi tgħid.” 58U sejħu lil Rebekka u staqsewha: “Trid tmur ma’ dan ir-raġel?” u wieġbet: “Immur.” 59Imbagħad bagħtu lil Rebekka oħthom u l-imraddgħa tagħha, u l-qaddej ta’ Abraham u n-nies tiegħu.
60U bierku lil Rebekka u qalulha:
“Inti oħtna, jalla tkun
eluf fuq eluf;
u jiret nislek
bwieb l-għedewwa tiegħu!”#Ġen 22,17.
61U qamet Rebekka u l-qaddejja tagħha u rikbu fuq l-iġmla u telqu mar-raġel. U l-qaddej ħa lil Rebekka u telaq.
62U Iżakk kien mar Bir-laħaj-roj, għax kien joqgħod fl-art tan-Negeb.#Ġen 16,13-14; 25,11. 63U Iżakk kien ħareġ jistrieħ fir-raba’ għall-ħabta ta’ filgħaxija, u rafa’ għajnejh, u ħares, u ra l-iġmla resqin. 64U Rebekka refgħet għajnejha u rat lil Iżakk, u niżlet minn fuq il-ġemel. 65U qalet lill-qaddej: “Min hu dak ir-raġel li ġej fir-raba’ jiltaqa’ magħna?” u weġibha l-qaddej: “Dak sidi.” U qabdet l-istar u tgħattiet bih. 66U l-qaddej qal lil Iżakk kulma kien għamel. 67U Iżakk daħħalha fl-għarix ta’ Sara ommu, u ħa ’l Rebekka u saret martu u ħabbha; u hekk tfarraġ Iżakk wara l-mewt ta’ ommu.

Currently Selected:

ĠENESI 24: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in