ĠENESI 45
45
Kapitlu 45
Ġużeppi jurihom min hu
1U Ġużeppi ma felaħx iżomm iżjed quddiem dawk li kienu madwaru, u għajjat: “Oħorġu ’l kulħadd minn quddiemi.” U ma kien hemm ħadd ħdejh, meta Ġużeppi wera ruħu lil ħutu.#Atti 7,13. 2U hu għajjat u beka. U semgħuh l-Eġizzjani u semgħuh ukoll in-nies kollha ta’ dar il-Fargħun. 3U Ġużeppi qal lil ħutu: “Jiena Ġużeppi! Għadu ħaj missieri?” U ħutu ma felħux iweġbuh, għax baqgħu miblugħin quddiemu.#Ġen 50,15. 4U Ġużeppi qal lil ħutu: “Ersqu lejja,” u huma resqu lejh u hu qalilhom: “Jiena Ġużeppi, ħukom li intom begħtuni għall-Eġittu. 5U issa la tagħlux u la tinkeddux għax begħtuni għal hawn, għax biex tibqgħu ħajjin intom Alla bagħatni hawn qabilkom.#Ġen 50,20; S 105,17-19; Sir 49,15. 6Sentejn ilu jaħkem il-ġuħ fuq l-art, u għad fadal ħames snin oħra, u ma jkunx hemm u la ħrit u lanqas ħsad. 7U Alla bagħatni qabilkom biex inħallilkom fdal fuq l-art, u jżomm ħaj bikom kotra kbira ta’ meħlusin. 8Mela, mhux intom bgħattuni hawn, imma Alla, u hu għamel minni missier il-Fargħun#45,8: Missier il-Fargħun: titlu applikat għall-ogħla uffiċjal, viżier, fl-amministrazzjoni., sid daru kollha, u gvernatur fuq l-art kollha tal-Eġittu. 9Fittxu itilgħu għand missieri, u għidulu: ‘Dan jgħid ibnek Ġużeppi: ‘Alla għamilni sid fuq l-Eġittu kollu. Inżel ħdejja, u la titnikkirx.#Atti 7,14. 10U tgħammar f’art Gosen#45,10: Gosen: illum Wadi Tumilat fuq in-naħa tal-Lvant tad-delta tan-Nil. u tkun qribi, int u wliedek, u wlied uliedek bl-imrieħel u l-baqar tiegħek u b’kulma għandek.#Ġen 46,28-29; 47,1-6; Eż 8,18; 9,26. 11U hekk jien naħsiblek għal kollox, għax għad fadal ħames snin oħra ta’ ġuħ, biex ma tiftaqarx int, darek u kulma għandek.’ 12Araw, qegħdin jaraw għajnejkom u għajnejn Benjamin, li fommi qiegħed ikellimkom. 13U għarrfu lil missieri bil-kobor tiegħi fl-Eġittu u b’kulma rajtu, u fittxu niżżlu lil missieri hawnhekk.’ ” 14U nxteħet fuq għonq Benjamin u beka; u beka Benjamin mgħannaq miegħu. 15Bies lil ħutu kollha, u beka fuqhom. U wara dan kollu ħutu bdew jitkellmu miegħu.
16U nstemgħet l-aħbar f’dar il-Fargħun u bdew jgħidu: “Ġew ħut Ġużeppi.” U ferħu l-Fargħun u n-nies ta’ madwaru. 17U l-Fargħun qal lil Ġużeppi: “Għid lil ħutek: ‘Agħmlu hekk: għabbu l-bhejjem tagħkom, u itilqu u morru fl-art ta’ Kangħan. 18U aqbdu lil missierkom u lil djarkom u ejjew ħdejja, u jien nagħtikom il-ġid tal-art tal-Eġittu u intom tieklu mill-aħjar frott tal-art.’#Atti 7,14. 19U int ordnalhom ukoll: ‘Dan agħmlu: ħudu magħkom mill-art tal-Eġittu karrijiet għat-tfal u n-nisa tagħkom, u ġibu ’l missierkom u ejjew. 20U la tagħlux għal ħwejjiġkom, għax il-ġid tal-Eġittu kollu huwa tagħkom.’ ”
21U wlied Iżrael għamlu hekk. U Ġużeppi tahom karrijiet, skont l-ordni tal-Fargħun, u ikel għat-triq. 22Tahom ukoll tibdila ħwejjeġ għal kull wieħed, imma lil Benjamin tah tliet mitt biċċa tal-fidda u ħames tibdiliet ħwejjeġ. 23U lil missieru bagħatlu dawn il-ħwejjeġ: għaxart iħmir mgħobbija bil-ġid tal-Eġittu, u għaxart iħmir mgħobbija bil-qamħ, ħobż u ikel għat-triq.#Ġen 43,11. 24Imbagħad bagħat lil ħutu, u huma u sejrin qalilhom: “Issa toqogħdux titlewmu fit-triq.”
25Hekk telgħu mill-Eġittu, u ġew f’art Kangħan għand Ġakobb missierhom. 26U tawh l-aħbar u qalulu: “Ġużeppi għadu ħaj! Saħansitra hu l-kmand tal-art kollha tal-Eġittu!” Imma qalbu baqgħet bierda, għax ma emminhomx. 27U qalulu kulma kien qalilhom Ġużeppi, u meta ra l-karrijiet kollha li kien bagħat Ġużeppi biex irikkbuh fuqhom, ħa r-ruħ Ġakobb missierhom. 28U Iżrael qal: “Biżżejjed! Ibni Ġużeppi għadu ħaj! Ħa mmur narah qabel ma mmut!”
Currently Selected:
ĠENESI 45: MB20
Highlight
Copy
Compare
Share
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Foundation, 2020.