YouVersion Logo
Search Icon

ĠENESI 47

47
Kapitlu 47
1U Ġużeppi mar jagħti l-aħbar lill-Fargħun u qallu: “Missieri u ħuti ġew mill-art ta’ Kangħan bl-imrieħel u bil-baqar tagħhom u b’kulma għandhom: ġew mill-art ta’ Kangħan, u hawn huma fl-art ta’ Gosen.” 2U qabad ħamsa minn ħutu u ressaqhom quddiem il-Fargħun. 3U l-Fargħun staqsa lill-aħwa: “X’tagħmlu?” U huma wieġbu lill-Fargħun: “Rgħajja tal-imrieħel il-qaddejja tiegħek, sew aħna sew missirijietna.” 4U ssuktaw jgħidu lill-Fargħun: “Aħna ġejna ngħammru f’din l-art, għax ma hemmx mergħa għall-imrieħel tal-qaddejja tiegħek, għax għafas il-ġuħ fuq l-art ta’ Kangħan, u issa ħa jgħammru l-qaddejja tiegħek fl-art ta’ Gosen.”#Eż 23,9; Dt 23,8.
5U l-Fargħun kellem lil Ġużeppi u qallu: “Missierek u ħutek ġew għandek. 6L-art tal-Eġittu quddiemek, qiegħed lil missierek u ’l ħutek fl-aħjar naħa tal-pajjiż, ħa jgħammru fl-art ta’ Gosen, u jekk taf b’xi nies ta’ ħila fosthom, agħmilhom kapijiet tal-imrieħel tiegħi.”
7U Ġużeppi ħa ’l missieru, u ressqu quddiem il-Fargħun, u bierek Ġakobb lill-Fargħun. 8U l-Fargħun staqsa lil Ġakobb: “Xi kemm jgħoddu sninek?” 9U Ġakobb wieġeb lill-Fargħun: “L-għadd ta’ snin li ilni niġġerra huwa ta’ mija u tletin sena. Ftit u ħżiena kienu jiemi u snin ħajti; u għad ma laħqux il-jiem u s-snin ta’ ħajjet missirijieti kemm damu jiġġerrew.”#Ġen 25,7; 35,28-29; 47,28. 10U Ġakobb bierek lill-Fargħun u ħareġ minn quddiem il-Fargħun.
11U Ġużeppi qiegħed lil missieru u lil ħutu, u tahom oqsma fl-art tal-Eġittu, fl-aħjar tal-pajjiż, fl-art ta’ Ragħmses#47,11: Fl-art ta’ Ragħmses: isem reċenti tal-art ta’ Gosen; ara Ġen 45,10., kif kien ordna l-Fargħun.#Eż 1,11; 12,37. 12U Ġużeppi kien jagħti l-ikel lil missieru u lil ħutu u d-dar kollha ta’ missieru, skont l-għadd tat-tfal.
L-amministrazzjoni ta’ Ġużeppi
13U ma kienx hemm ħobż fl-art kollha, għax il-ġuħ kien qiegħed jagħfas sewwa; u l-art tal-Eġittu u l-art ta’ Kangħan kienu għoddhom intemmu bil-ġuħ. 14U Ġużeppi ġabar il-flus kollha li kienu jinsabu fl-Eġittu u fl-art ta’ Kangħan għall-qamħ kollu li kienu jixtru, u ġiebhom fid-dar tal-Fargħun.
15U ntemmu l-flus mill-art tal-Eġittu u mill-art ta’ Kangħan, u n-nies kollha tal-Eġittu kienu jmorru għand Ġużeppi u jgħidulu: “Agħtina l-ħobż! Għala għandna mmutu quddiemek, la darba l-flus spiċċaw!” 16U Ġużeppi kien iwieġeb: “Jekk fluskom spiċċawlkom ġibu l-imrieħel tagħkom, u nagħtikom fuqhom.” 17U huma ġiebu l-imrieħel għand Ġużeppi, u hu kien jagħtihom il-ħobż flok iż-żwiemel u l-imrieħel tan-nagħaġ, u flok l-imrieħel tal-baqar u l-ħmir, u b’hekk f’dik is-sena qassmilhom il-ħobż b’kemm kienu jiswew il-bhejjem tagħhom kollha.
18U ntemmet l-ewwel sena u reġgħu ġew għandu t-tieni sena u qalulu: “Ma nistgħux naħbu lil sidi, li l-flus intemmu u l-imrieħel u l-bhejjem għand sidna; ma fadlilniex għal sidna ħlief ġisimna u artijietna. 19Għala għandna mmutu quddiem għajnejk, aħna u r-raba’ tagħna. Ixtrina, lilna u r-raba’ tagħna, bil-ħobż, u nkunu aħna u r-raba’ tagħna lsiera tal-Fargħun. Agħtina ż-żerriegħa biex ngħixu u ma mmutux; u r-raba’ ma jsirx ħerba.”
20Hekk Ġużeppi xtara r-raba’ kollu tal-Eġittu għall-Fargħun; għax l-Eġizzjani kull wieħed biegħ l-għalqa tiegħu, għax kien għafas fuqhom il-ġuħ, u hekk l-art saret kollha tal-Fargħun. 21U ’l poplu għamlu lsir fl-ibliet minn tarf għal ieħor tal-Eġittu. 22Imma l-art tal-qassisin ma xtrahiex; għax il-qassisin kellhom sehem mingħand il-Fargħun, u kienu jieklu sehemhom, li kien jagħtihom il-Fargħun; għalhekk ma bigħux ir-raba’ tagħhom.
23U Ġużeppi qal lill-poplu: “Araw jien xtrajt illum lilkom u r-raba’ tagħkom f’isem il-Fargħun; issa nagħtikom iż-żerriegħa u iżirgħu r-raba’. 24Fi żmien il-ħsad imbagħad tagħtu mill-ħamsa waħda lill-Fargħun u l-erba’ qasmiet l-oħra jibqgħu għalikom, biex ikollkom x’tiżirgħu fir-raba’ u x’tieklu intom u min għandkom id-dar magħkom u t-tfal tagħkom.” 25U huma weġbuh: “Int ħjejtna! Ħa nsibu ħniena f’għajnejn sidna, u nkunu lsiera tal-Fargħun.” 26Hekk Ġużeppi għamilha liġi li għadha sal-lum, fuq ir-raba’ tal-Eġittu, li jagħtu mill-ħamsa waħda lill-Fargħun. Imma l-art biss tal-qassisin ma waqgħetx f’idejn il-Fargħun.#Ġen 41,34.
Il-wegħda ta’ Ġużeppi
27U Iżrael kien jgħammar fl-Eġittu fl-art ta’ Gosen, u hemm kisbu l-ġid fiha, kotru u żdiedu ħafna.#Eż 1,7. 28U Ġakobb kien ilu sbatax-il sena fl-art tal-Eġittu; u hekk għomor Ġakobb kien laħaq il-mija u sebgħa u erbgħin sena. 29U meta wasal iż-żmien biex Iżrael imut, sejjaħ lil ibnu Ġużeppi u qallu: “Jekk jien sibt grazzja f’għajnejk qiegħed idek taħt kuxxtejja, u aħlifli li tagħmel ħniena miegħi u żżomm kelmtek; la tidfinnix fl-Eġittu.#Ġen 24,2; 49,29-32; 50,6. 30Meta jien nistrieħ ma’ missirijieti, ħudni ’l barra mill-Eġittu u idfinni f’qabarhom.” U hu wieġbu: “Jien nagħmel skont kelmtek.”#Ġen 50,5. 31U hu qallu: “Aħlifli.” U ħaliflu. U Iżrael intelaq fuq ras is-sodda.#1 Slat 1,47; Lhud 11,21.

Currently Selected:

ĠENESI 47: MB20

Highlight

Copy

Compare

Share

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in