Logo YouVersion
Ikona vyhledávání

ĠENESI 27

27
Kapitlu 27
Il-barka
1Meta Iżakk kien xjieħ u għajnejh kienu ċċajprulu tant li ma kienx baqa’ jara, sejjaħ lil ibnu l-kbir Għesaw u qallu: “Ibni.” U dan wieġbu: “Hawn jien.” 2U qallu: “Hawn jien, xjeħt, u ma nafx meta se mmut. 3Issa aqbad it-tagħmir tiegħek, il-ħorġa u l-qaws tiegħek, u mur fir-raba’ u aqbadli l-kaċċa; 4u mbagħad agħmilli ikla tajba kif inħobb jien, u ġibhieli ħalli nikolha u nbierkek qabel ma mmut.”
5Rebekka kienet qiegħda tissamma’ meta Iżakk kien qiegħed ikellem lil Għesaw, ibnu. U Għesaw telaq lejn ir-raba’ għall-kaċċa, u jġib xi ħaġa d-dar.#Ġen 12,3; 25,28. 6Imma Rebekka kellmet lil Ġakobb binha u qaltlu: “Ara, jien smajt lil missierek ikellem lil Għesaw ħuk u jgħidlu: 7‘Ġibli l-kaċċa u agħmilli ikla tajba ħa nikolha, u mbagħad inbierkek quddiem il-Mulej qabel ma mmut.’ 8Issa ibni, isma’ minn kliemi f’dan li se nordnalek. 9Mur il-merħla u ġibli żewġ gidjien sbieħ minn hemm u mbagħad jien insajjarhom tajjeb kif iħobb missierek. 10U int teħodhom lil missierek, u hu jiekol; u mbagħad ibierkek qabel ma jmut.” 11U Ġakobb qal lil Rebekka ommu: “Ara, Għesaw ħija hu raġel muswaf, u jien raġel b’ġilda mielsa.#Ġen 25,25. 12Jekk missieri jmissni u jien nidher li nkun qarraqt bih, niġbed fuqi saħta flok barka.” 13U ommu qaltlu: “Is-saħta tiegħek fuqi, ibni. Isma’ kliemi u mur ġibhomli.”
14U Ġakobb mar jaqbad il-gidjien u ġiebhom lil ommu; u din sajret ikla kif kien iħobb missieru. 15U Rebekka ħadet l-aħjar ilbies ta’ Għesaw binha l-kbir, li kienu għandha d-dar, u libbsithom lil Ġakobb, binha ż-żgħir. 16U ksietlu idejh u l-artab ta’ għonqu bil-ġlud tal-gidjien. 17U hi tat f’idejn Ġakobb, binha, l-ikel tajjeb u l-ħobż. 18U hu mar ħdejn missieru u qallu: “Missier.” U dan wieġbu: “Hawn jien. Min inti, ibni?” 19U Ġakobb wieġeb lil missieru: “Jiena Għesaw, il-kbir tiegħek. Għamilt kif għedtli. Qum, isa, u kul mill-kaċċa tiegħi, biex imbagħad int tberikni.” 20U Iżakk qal lil ibnu: “Kif inhi din li sibtha hekk malajr?” U hu wieġbu: “Għax il-Mulej ġibhieli quddiemi.” 21U Iżakk qal lil Ġakobb. “Ersaq ’l hawn, ħa mmissek, ibni, u nara jekk intix ibni Għesaw jew le.” 22U Ġakobb resaq lejn missieru Iżakk u dan messu u qal: “Il-leħen, leħen Ġakobb, imma l-idejn, idejn Għesaw.” 23U ma għarfux, għax idejh kienu qishom l-idejn muswafa ta’ ħuh Għesaw; u bierku. 24U staqsieh: “Inti tassew ibni Għesaw” U hu wieġbu: “Jien hu.” 25U qallu: “Newwilli, mela, ħalli niekol mill-kaċċa ta’ ibni, biex inbierkek.” U newwillu l-ikel, u kiel, u ġieblu l-inbid, u xorob. 26U Iżakk missieru qallu: “Ersaq ’l hawn u busni, ibni.” 27U hu resaq u biesu. Iżakk xammem ir-riħa ta’ lbiesu, u bierku u qallu:
“Ara, riħet ibni, bħar-riħa ta’ għalqa,
imbierka mill-Mulej!#Ġen 22,17-18; Lhud 11,20.
28Jagħtik Alla min-nida tas-smewwiet,
u mill-frott tal-art,
kotra ta’ qamħ u nbid.
29Lilek għad jaqdu l-ġnus,
u quddiemek imilu l-popli.
Int tkun l-aqwa fost ħutek,
u quddiemek imilu wlied ommok.
Misħut minn jisħtek,
imbierek min ibierkek.”#Ġen 25,23; 49,8; Num 24,9.
30Malli Iżakk temm ibierek lil Ġakobb, u Ġakobb kien għadu bilkemm ħareġ minn quddiem Iżakk missieru, wasal Għesaw lura mill-kaċċa.
31U lesta hu wkoll ikel tajjeb, u ġiebu lil missieru u qallu: “Ħa jqum missieri, u jiekol mill-kaċċa ta’ ibnu, biex imbagħad tberikni.”
32U Iżakk, missieru, qallu: “Min int?” U dak wieġbu: “Jien hu ibnek il-kbir Għesaw.” 33U Iżakk qabditu rogħda kbira sewwa, u qallu: “Min kien mela, dak li mar u qabad il-kaċċa, u ġibhieli, u jiena kilt minn kollox qabel ġejt int, u beriktu, u issa jibqa’ mbierek?”
34Malli Għesaw sama’ kliem missieru Iżakk, għajjat għajta kbira kollha mrar, u qal lil missieru: “Missier, bierek lili wkoll.” 35U dan qallu: “Ġie ħuk bil-qerq u ħa l-barka tiegħek.”#Ġen 25,26; Is 43,27; Ġer 9,3; Hos 12,4. 36U dak qallu: “Għalhekk mela jismu Ġakobb#27,36: Ġakobb: mill-verb wajjakebeni, qalagħni ’l barra; ara Ġen 25,26; Ġer 9,3. Hemm ukoll tixbih bejn bekora, primoġenitura, u baraka, barka.? Darbtejn qalagħni ’l barra: l-ewwel ħadli l-primoġenitura, u issa ħadli l-barka tiegħi.” U kompla jgħidlu: “U lili ma rfajtlix barka?” 37U Iżakk wieġeb u qal lil Għesaw: “Ara jien qegħedtu sidek u qegħedtlu ’l ħutu kollha qaddejja tiegħu, u għanejtu b’qamħ u nbid. U lilek issa x’nista’ nagħmillek ibni?” 38U Għesaw qal lil missieru: “Mela barka waħda biss għandek, missier? Bierek lili wkoll, missier.” U Għesaw għolla karba u nfexx jibki.#Lhud 12,17. 39U Iżakk missieru wieġbu u qallu:
“Ara, bla frott tal-art tkun għamartek,
u ’l bogħod min-nida mill-għoli.#Lhud 11,20.
40Int tgħix fuq sejfek,
u ’l ħuk għad taqdi.
U meta tiġi biex tarfa’ rasek,
int tkisser il-madmad tiegħu
minn fuq għonqok u tfarfru minn fuqek.”#2 Slat 8,20; 2 Kron 21,8-10.
41U Għesaw beda jobgħod lil Ġakobb minħabba l-barka, li biha bierku missieru. U qal f’qalbu Għesaw: “Jaslu jiem il-vistu ta’ missieri, imbagħad noqtol ’il Ġakobb, ħija.”#Ġen 28,5; Għerf 10,10; Għabd 10.
42U ’l Rebekka ħabbrulha kliem Għesaw, binha l-kbir. U bagħtet issejjaħ lil Ġakobb, binha ż-żgħir, u qaltlu: “Ara, Għesaw ħuk, għandu f’rasu li jitħallas minnek u joqtlok. 43Imma isma’ minn kliemi. Qum u aħrab għand ħija Laban f’Ħaran.#Ġen 24,29. 44U ibqa’ miegħu għal ftit taż-żmien sakemm tgħaddi s-saħna ta’ ħuk, 45u jitbiegħed minnek l-għadab ta’ ħuk, u jinsa x’għamiltlu int. Imbagħad nibgħat għalik minn hemm. Għaliex għandi nitlifkom it-tnejn f’jum wieħed?”
46U Rebekka qalet lil Iżakk: “Iddejjaqt minn ħajti minħabba l-bniet ta’ Ħet. Jekk Ġakobb jiżżewweġ xi waħda mill-bniet ta’ Ħet bħal dawn, xi mara minn din l-art, xi tkun tiswieli ħajti?”

Právě zvoleno:

ĠENESI 27: MB20

Zvýraznění

Sdílet

Porovnat

Kopírovat

None

Chceš mít své zvýrazněné verše uložené na všech zařízeních? Zaregistruj se nebo se přihlas