YouVersion Logo
Search Icon

ĠENESI 49

49
Kapitlu 49
L-aħħar barka ta’ Ġakobb
1U Ġakobb sejjaħ lil uliedu u qalilhom: “Inġabru ħdejja ħa nħabbrilkom x’għandu jiġri fl-aħħar jiem:#Dt 33; Mħ 5.
2Inġabru u isimgħu, ulied Ġakobb,
agħtu widen lil Iżrael missierkom.
3Ruben, int il-kbir tiegħi,
il-qawwa tiegħi u l-bikri ta’ rġuliti,
l-ogħla fil-ġieħ,
u l-ogħla fil-qawwa.#Ġen 29,32.
4Imbaqbaq bħall-ilma,
ma togħliex fil-ġieħ.
Għax int tlajt fuq friex missierek,
biex kasbart is-sodda ta’ martu.#Ġen 35,22; 1 Kron 5,1-2.
5Simgħon u Levi aħwa,
għodod il-vjolenza sjufhom.
6Qalbi ma tagħtinix għal laqgħathom,
u ġieħi ma nsibux f’ġemgħathom.
Għax f’għadabhom qatlu n-nies,
u b’kapriċċ qatgħu għerq il-barri.#Ġen 34,25-31.
7Misħut għadabhom għax qalil;
misħuta l-kefrija ta’ qillthom.
Inqassamhom f’Ġakobb,
u nxerridhom fost Iżrael.
8Ġuda, int lilek ifaħħruk ħutek.
Idek fuq ras l-għedewwa tiegħek;
u quddiemek imilu wlied missierek.#Ġen 27,29; 37,7-9.
9Int ferħ ta’ ljun, O Ġuda,
inti ibni mill-priża tiela’.
Bħal iljun imkennen,
mimdud bħal mart l-iljun.
Min se jqajmek?#Num 24,9; 1 Kron 5,2; Apk 5,5.
10Ix-xettru minn id Ġuda ma jitneħħiex;
u l-ħatar minn bejn riġlejh,
sakemm iġibulu l-ħaraġ,
u minnu l-ġnus jisimgħu.#Num 24,17; 2 Sam 7,1; Is 9,5-6; 11,1-2; Mik 5,1-3.
11Jorbot mad-dielja l-felu tiegħu,
u wild il-ħmara maż-żarġun.
Jaħsel fl-inbid ħwejġu, u lbiesu
f’demm il-għeneb.
12Bl-inbid ħomor għajnejh,
u snienu bojod bil-ħalib.
13Żebulun jgħammar f’xatt l-ibħra,
f’xatt l-iġfien jinsab,
b’ġenbu ma’ Sidon.
14Issakar ħmar imgħaddam,
mimdud qalb l-imqawel.
15Ra l-post tajjeb għall-mistrieħ,
u l-art sabiħa.
Għat-tagħbija niżżel spallejh,
u sar ilsir tax-xogħol bilfors.
16Dan jagħmel ħaqq minn niesu,
bħal wieħed mit-tribujiet ta’ Iżrael.#2 Sam 20,18.
17Dan bħal serp fit-triq,
bħal lifgħa fil-mogħdija,
jigdem għarqub iż-żiemel,
u r-rikkieb jinqaleb lura.
18Ħelsienek nistenna, O Mulej.#Is 25,9.
19Gad, il-qtajja’ jaħbtu għalik,
imma int taħbat għal għarqubhom.
20Aser, ħobżu bnin,
u ħlewwiet is-slaten jagħti.#Dt 33,24.
21Naftali għażżiela ħielsa,
li tagħti ġmiel ta’ frieħ.
22Ġużeppi fergħa ta’ siġra għammiela,
fergħa ta’ siġra għammiela ħdejn għajn,
il-friegħi jiżżarġnu fuq il-ħajt.#Dt 33,13-17.
23Qamu għalih u waddbulu l-vleġeġ,
u ħarbtuh l-arċieri.
24Imma l-qaws tiegħu baqa’ sod,
u ħeffu dirgħajh u idejh,
bis-saħħa tal-Qawwi ta’ Ġakobb,
bl-isem tar-Ragħaj u l-Blata ta’ Iżrael.
25B’Alla ta’ missierek,
- jalla jgħinek,
b’Xaddaj,
- jalla jbierkek.
B’barkiet mill-għoli tas-smewwiet,
b’barkiet l-ilmijiet mifruxa taħt l-art,
b’barkiet is-sider u l-ġuf,#Ġen 17,1.
26b’barkiet tal-qmuħ u ż-żahar,
b’barkiet l-iġbla tal-qedem.
L-għaxqiet tal-għoljiet tal-qedem,
ħa jkunu fuq ras Ġużeppi,
fuq il-qorriegħa tal-magħżul fost ħutu.
27Benjamin lupu tal-ħatfa,
filgħodu jiekol il-qabda,
u filgħaxija jqassam il-priża.”
28Dawn huma t-tribujiet kollha ta’ Iżrael, tnax b’kollox, u dan hu l-kliem li qalilhom missierhom hu u jberikhom; u ’l kull wieħed bierku b’barka għalih.
Il-mewt ta’ Ġakobb
29Imbagħad widdibhom u qalilhom: “Jiena sa ninġabar ma’ niesi. Idfnuni ma’ missirijieti, fl-għar li hemm fl-għalqa ta’ Għefron il-Ħitti; 30fl-għar li hemm fl-għalqa ta’ Makfela biswit Mamri fl-art ta’ Kangħan, li Abraham kien xtara mingħand Għefron il-Ħitti, b’qabar tiegħu.#Ġen 23,17. 31Hemm difnu lil Abraham u ’l Sara martu; hemm difnu lil Iżakk u ’l Rebekka martu, u hemmhekk jien dfint lil Lija. 32Mingħand ulied il-Ħittin inxtrat din l-għalqa bl-għar li hemm fiha.”
33Meta Ġakobb temm iwiddeb lil uliedu, ġabar riġlejh fil-friex, ta l-aħħar nifs, u nġabar ma’ niesu.

Currently Selected:

ĠENESI 49: MB20

Highlight

Copy

Compare

Share

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in