ĠENESI 50
50
Kapitlu 50
Id-difna ta’ Ġakobb
1U Ġużeppi nxteħet fuq wiċċ missieru, beka fuqu u biesu.#Ġen 46,4. 2U Ġużeppi ordna lit-tobba qaddejja tiegħu jibbalzmaw lil missieru. U t-tobba bbalzmaw lil Iżrael. 3Damu erbgħin jum sħiħ, għax daqshekk żmien kien jieħu l-ibbalzmar. U l-Eġizzjani damu jibkuh sebgħin jum. 4U meta ntemm żmien il-vistu, Ġużeppi mar kellem lid-dar tal-Fargħun u qalilhom: “Jekk sibt ħniena f’għajnejkom kellmu lill-Fargħun f’widnejh u għidulu: 5“Missieri ġagħalni naħlef u qalli: ‘Ara jien se mmut! F’qabri li jien ħaffirt għalija fl-art ta’ Kangħan, hemmhekk idfinni.’ Mela issa ħa nitla’ hemm u nidfen lil missieri, u nerġa’ lura.”#Ġen 47,30. 6U l-Fargħun wieġeb: “Itla’ u idfen lil missierek kif ġagħlek taħlef.”
7U Ġużeppi tala’ jidfen lil missieru u telgħu miegħu l-qaddejja kollha tal-Fargħun; l-anzjani kollha tal-art tal-Eġittu, 8u d-dar kollha ta’ Ġużeppi, u ħutu u dar missierhom. Ħallew biss fl-art ta’ Gosen it-tfal, l-imrieħel u l-baqar tagħhom. 9U miegħu telgħu wkoll il-karrijiet u r-rikkieba, u kienet qatgħa tassew kbira!
10U waslu sal-qiegħa ta’ Atad, li hemm ’l hemm mill-Ġordan, u hemmhekk bdew biki kbir u tassew qawwi, u għamel vistu ta’ sebat ijiem. 11U l-Kangħanin li kienu jgħammru fl-art fil-pajjiż raw il-vistu fil-qiegħa ta’ Atad u qalu: “Dan il-vistu kbir tal-Eġizzjani.” Għalhekk semmew il-post Abel-misrajm, li hemm in-naħa l-oħra tal-Ġordan.
12Imbagħad uliedu għamlulu kif kien ordnalhom: 13tellgħuh fl-art ta’ Kangħan u difnuh f’għar li hemm fl-għalqa ta’ Makfela, li kien xtara Abraham flimkien mal-għalqa mingħand Għefron il-Ħitti, biswit Mamri biex ikollu qabar.#Atti 7,16. 14U Ġużeppi wara li difen lil missieru raġa’ lura lejn l-Eġittu, hu u ħutu u kull min kien tala’ miegħu biex jidfen lil missieru.
15U ħut Ġużeppi bdew jibżgħu għax kien miet missierhom u bdew jgħidu: “Min jaf jekk jibdiex jobgħodna Ġużeppi, u jroddilna d-deni kollu li għamilnielu.” 16Għalhekk bagħtu jgħidu lil Ġużeppi: “Qabel ma miet missierek ordna u qal: 17‘Dan għidu lil Ġużeppi: Iddew aħfer id-dnub ta’ ħutek u ħtijiethom, għax ħsara għamlulek.’ U issa, nitolbuk, aħfer id-dnub tal-qaddejja ta’ Alla ta’ missierek.” U Ġużeppi beka huma u jkellmuh.#Ġen 37. 18U ħutu ġew u nxteħtu wiċċhom fl-art u qalulu: “Arana, hawn aħna lsiera tiegħek!” 19U Ġużeppi qalilhom: “La tibżgħux, jaqaw jien flok Alla? 20Jekk intom ġibtuli fuqi d-deni, Alla bidlu fil-ġid, biex iżomm ħajja kotra ta’ ġnus, bħalma huma llum.#Ġen 45,5; Sir 49,15; Rum 8,28; 12,19; Fil 1,12. 21U issa la tibżgħux. Jien nagħtikom tieklu, lilkom u lit-tfal tagħkom.” Hekk farraġhom, u serrħilhom moħħhom u laqtilhom qalbhom.#Ġen 47,12.
22U Ġużeppi kien jgħammar fl-Eġittu, hu u dar missieru. U Ġużeppi kellu mija u għaxar snin. 23U Ġużeppi ra wlied Efrajm sat-tielet nisel, u wkoll ulied Makir bin Manassi, li twieldu fuq irkupptejn Ġużeppi.#Ġen 48,12; Num 32,39; Ġoż 17,1.
24U Ġużeppi qal lil ħutu: “Jiena se mmut, u Alla għad iżurkom żgur u jtellagħkom minn din l-art lejn l-art li ħalef lil Abraham, lil Iżakk u lil Ġakobb.”#Eż 3,8; 12,41; Ġoż 24,32; Lhud 11,22. 25Imbagħad Ġużeppi ġagħal lil ulied Iżrael jaħilfu u qalilhom: “Iva, Alla għad iżurkom żgur u intom ittellgħu għadmi minn hawn.”#Eż 13,19; Ġoż 24,32; Lhud 11,22. 26U Ġużeppi miet ta’ mija u għaxar snin; ibbalzmawh u qegħduh f’tebut l-Eġittu.#Sir 49,15.
Currently Selected:
ĠENESI 50: MB20
Highlight
Copy
Compare
Share
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Foundation, 2020.