ĠENESI 32
32
Kapitlu 32
1Filgħodu kmieni, Laban bies is-subien u l-bniet tiegħu, berikhom u dar lura lejn artu.
Ġakobb f’Kangħan
2Ġakobb kien sejjer għal triqtu meta ġew għal fuqu l-anġli ta’ Alla. 3Xħin Ġakobb rahom qal: “Dan hu l-eżerċtu ta’ Alla.” U semma l-post: Maħanajm, kamp. 4Imbagħad Ġakobb bagħat qablu messaġġiera għand ħuh Għesaw, lejn l-art ta’ Xegħir fl-inħawi ta’ Edom.#Ġen 36,6. 5U ordnalhom u qalilhom: “Hekk tgħidulu lil sidi Għesaw: ‘Dan jgħid il-qaddej tiegħek Ġakobb: Kont qiegħed ma’ Laban u bqajt sa issa. 6Għandi baqar, ħmir, imrieħel, qaddejja, irġiel u nisa, u qiegħed nibgħat ngħarraf lil sidi biex insib ħniena f’għajnejk’.”
7U l-messaġġiera reġgħu lura għand Ġakobb u qalulu: “Aħna morna għand ħuk Għesaw, u hu ġej jiltaqa’ miegħek b’erba’ mitt ruħ miegħu.” 8Ġakobb beda jibża’ u għamel f’qalbu. U qassam in-nies li kellu miegħu, l-imrieħel, il-baqar u l-iġmla f’żewġ kampijiet. 9Għax qal: “Jekk Għesaw jaħbat għal wieħed, għallanqas jeħlisha l-ieħor.” 10U Ġakobb qal: “Alla ta’ missieri Abraham, Alla ta’ missieri Iżakk, int il-Mulej li għedtli: ‘Erġa’ lura lejn artek u lejn niesek, u jien nagħtik ir-risq.’#Ġen 31,3. 11Ma kinux jistħoqquli t-tjieba u l-fedeltà kollha tiegħek, li wrejt mal-qaddej tiegħek; jien qsamt dan il-Ġordan bil-ħatar tiegħi biss, imma issa sirt żewġ kampijiet. 12Eħlisni issa minn idejn Għesaw, għax qiegħed nibża’ minnu, li ma jiġix u joqtol lili, ’l omm u ’l uliedha.#Ġen 22,16-17; 28,14; 48,16; Eż 32,13; Lhud 11,12. 13Issa int għedtli: ‘Jien nagħtik riżq kbir u nagħmel lil nislek bħar-ramel tal-baħar, li ma jingħaddx għall-kotra.’ ”
14U dak il-lejl għaddieh hemm. Imbagħad qabad minn dak li ġie f’idejh biex jagħtih rigal lil ħuh Għesaw: 15mitejn mogħża u għoxrin bodbod, mitejn nagħġa u għoxrin muntun, 16tletin ġemel ireddgħu bil-friegħ magħhom, tletin baqra u għoxrin barri, għoxrin ħmara u għaxart iħmir irġiel. 17U tahom f’idejn il-qaddejja tiegħu, merħla merħla, kull waħda għaliha u qalilhom: “Għaddu qabli u ħallu l-wisa’ bejn merħla u oħra.” 18U lill-ewwel wieħed ordnalu u qallu: “Meta jiltaqa’ miegħek ħija Għesaw u jistaqsik u jgħidlek: ‘Ta’ min intom? Fejn sejrin? Ta’ min huma dawn li hawn quddiemek?’ 19int wieġbu: ‘Tal-qaddej tiegħek Ġakobb, rigal mibgħut lil sidi Għesaw, u hu ġej warajna.’ ” 20U ordna wkoll lit-tieni wieħed, lit-tielet u lil dawk li kienu miexja wara l-imrieħel u qalilhom: “Hekk tgħidu l-istess kliem lil Għesaw meta tiltaqgħu miegħu. 21Tgħidulu: ‘Ara, l-qaddej tiegħek Ġakobb ġej warajna.’ ” Għax qal: “Inrattablu wiċċu bir-rigal li sejjer qabli; ħalli mbagħad wara dan nara ’l wiċċu, għandu mnejn jerfagħli ’l wiċċi.” 22U r-rigal għadda qablu; u hu għadda dak il-lejl fil-kamp.
Ġakobb u l-anġlu ta’ Alla
23U qam dak il-lejl stess, u qabad in-nisa tiegħu, u ż-żewġ qaddejja tiegħu, u l-ħdax uliedu, u qasam il-mogħdija tal-Ġabbok.#Eż 4,24-27; Għerf 10,12; Hos 12,4-6. 24Qabadhom u għaddiehom ix-xmara b’kulma kellu. 25Imbagħad Ġakobb baqa’ waħdu, u ġie raġel u baqa’ jissara miegħu sa ma beda jisbaħ. 26U meta ra li ma setax għalih, messlu l-għaksa ta’ koxxtu, u l-għaksa ta’ koxxt Ġakobb tfekket, hu u jissara miegħu.
27Imbagħad qallu: “Ħallini mmur, għax qiegħed jisbaħ.” U Ġakobb wieġbu: “Ma nħallikx jekk ma tberiknix.” U dan staqsieh: 28“Inti x’jismek?” “Ġakobb,” wieġbu. U dak qallu:#Ġen 35,10; 1 Slat 18,31; 2 Slat 17,34. 29“Ma jkunx aktar jismek Ġakobb, iżda Iżrael#32,29: Iżrael: hawn jidher għall-ewwel darba l-isem ta’ Iżrael magħmul minn Jisra: jissara, u el (eloħim): Alla. Ara wkoll Hos 12,5. B’dan l-isem baqa’ magħruf il-poplu ta’ Alla., għax int issarajt ma’ Alla u mal-bnedmin, u rbaħt.”
30Staqsieh Ġakobb u qal: “Għidli x’jismek,” u wieġbu: “Għaliex tistaqsini ismi?” U bierku hemmhekk.#Eż 33,20; Mħ 13,17-22. 31Għalhekk Ġakobb sejjaħ dak il-post Penuwel, għax qal: “Rajt lil Alla wiċċ imb wiċċ, u ħajti ħelsitha.”
32U x-xemx kienet telgħet meta għadda minn Penuwel, izappap fuq koxxtu. 33Għalhekk sal-lum ulied Iżrael ma jiklux in-nerv tal-koxxa li hemm fl-għaksa tal-koxxa, għax Alla qabad lil Ġakobb mill-għerq tal-għaksa ta’ koxxtu.
Právě zvoleno:
ĠENESI 32: MB20
Zvýraznění
Sdílet
Porovnat
Kopírovat
Chceš mít své zvýrazněné verše uložené na všech zařízeních? Zaregistruj se nebo se přihlas
Maltese DC Bible © Malta Bible Foundation, 2020.