ĠENESI 33
33
Kapitlu 33
Il-laqgħa bejn Ġakobb u Għesaw
1U Ġakobb rafa’ għajnejh, ħares u ra lil Għesaw riesaq b’erba’ mitt ruħ miegħu; għalhekk qassam lil uliedu bejn Lija, Rakel u ż-żewġ qaddejja nisa. 2U qiegħed il-qaddejja b’uliedhom quddiem, imbagħad lil Lija b’uliedha, u fl-aħħar lil Rakel ma’ Ġużeppi. 3U hu għadda qabilhom, u nxteħet wiċċu fl-art għal seba’ darbiet, sakemm wasal ħdejn ħuh. 4Imma Għesaw mar jiġri jilqgħu u jgħannqu, u ntefa’ fuq għonqu u biesu, u bkew it-tnejn. 5U refa’ għajnejh, u ra n-nisa u t-tfal u staqsieh: “Min huma dawn li għandek miegħek?” U hu wieġbu: “L-ulied li Alla l-ħanin ta lill-qaddej tiegħek.”
6U resqu lejh il-qaddejja nisa, huma u wliedhom, u nxteħtu wiċċhom fl-art quddiemu. 7Resqet ukoll Lija b’uliedha, u nxteħtet wiċċha fl-art; u fl-aħħar resqu Ġużeppi u Rakel, u nxteħtu wiċċhom fl-art quddiemu.#2 Sam 13,12.
8U Għesaw qallu: “Xi trid tgħid b’din il-qatgħa ta’ nies kollha li ltqajt magħha?” U Ġakobb wieġbu: “Biex insib il-ħniena f’għajnejk, sidi.” 9U Għesaw qallu: “Jien għandi biżżejjed, ħija; ħa jibqa’ għandek dak li hu tiegħek.” 10Imma Ġakobb qallu: “Le, nitolbok, jekk jien sibt il-ħniena f’għajnejk, ilqa’ dan ir-rigal tiegħi minn idi, għax għalhekk jien ridt nara ’l wiċċek, bħallikieku rajt wiċċ Alla, u int ilqajtni tajjeb. 11Ħu, jekk jogħġbok, il-barka tiegħi li ġibtlek, għax Alla ħenn għalija u jien għandi minn kollox.” U baqa’ jissikka fuqu, u Għesaw ħa r-rigal. 12U qallu: “Ħa nerfgħu l-kamp u nitilqu, u jien nimxi qablek.” 13U Ġakobb wieġeb: “Sidi, inti taf li t-tfal huma dgħajfa, u jien għandi fuqi l-piż tal-imrieħel u l-baqar ireddgħu, u jekk jinkeddu għal jum wieħed biss, imutu l-imrieħel kollha. 14Ħa jgħaddi sidi qabel il-qaddej tiegħu, u jien nimxi bil-mod il-mod, skont il-pass tal-bhejjem li għandi quddiemi u l-pass tat-tfal, sakemm nilħaq lil sidi f’Xegħir.” 15U Għesaw qallu: “Mela ħa nħalli miegħek xi ftit min-nies li għandi miegħi.” Imma Ġakobb wieġeb: “Dan għalfejn? Jalla nsib ħniena f’għajnejn sidi!” 16U dak in-nhar Għesaw qabad triqtu lura lejn Xegħir.
Ġakobb f’Sikem
17U Ġakobb rafa’ l-kamp u rħielha lejn Sukkot, u bena hemm dar u mqawel għall-imrieħel tiegħu. Għalhekk semma l-post Sukkot. 18U Ġakobb wasal qawwi u sħiħ f’Sikem, li hemm fl-art ta’ Kangħan, meta ġie minn Fiddien-aram, u waqqaf il-kamp tiegħu biswit il-belt. 19U xtara b’mitt biċċa flus dik il-biċċa tal-għalqa, fejn kien waqqaf il-kamp tiegħu, mingħand ulied Ħamor, missier Sikem. 20U waqqaf artal u semmieh El-eloħe-iżrael.
Právě zvoleno:
ĠENESI 33: MB20
Zvýraznění
Sdílet
Porovnat
Kopírovat
Chceš mít své zvýrazněné verše uložené na všech zařízeních? Zaregistruj se nebo se přihlas
Maltese DC Bible © Malta Bible Foundation, 2020.