ĠENESI Ħarsa ħafifa lejn il-ktieb
Ħarsa ħafifa lejn il-ktieb
L-isem “Ġenesi” ġej minn kelma Griega li tfisser “il-bidu”, u dan il-ktieb hu eżattament dwar il-bidu: il-bidu tal-univers, il-bidu tal-bniedem, il-bidu tal-poplu ta’ Iżrael.
L-ewwel taqsima tal-Ġenesi (kap 1—11) tgħidilna dwar il-ħolqien tad-dinja u tal-bniedem sas-sejħa ta’ Abraham. Dak kollu li Alla għamel kien tajjeb, imma l-ewwel bnedmin, imsemmija bl-ismijiet ta’ Adam u Eva, m’obdewhx u daħħlu l-ħażen fid-dinja. In-nies tant intrikbu mill-ħażen li Alla ddeċieda li jibgħat dilluvju biex jeqred lil kulħadd, ħlief lil Noè u l-familja tiegħu.
Huma baqgħu jgħixu fis-sewwa u għalhekk Alla qalilhom jibnu dgħajsa kbira, li ngħidulha l-arka, biex isalvaw huma u r-razez tal-annimali. Wara d-dilluvju, il-bnedmin reġgħu tferrxu mal-inħawi tad-dinja, u għal darb’oħra waqfu jaduraw lil Alla.
Il-bqija tal-ktieb tal-Ġenesi (kap 12—50) jirrakkonta l-ġrajja ta’ Abram u l-familja tiegħu. Alla għażilhom biex ikunu l-bidu tal-poplu speċjali tiegħu. Alla bidel l-isem ta’ Abram f’Abraham, u dak ta’ martu minn Saraj għal Sara. Abraham u Sara ma kellhomx ulied, imma Alla wegħedhom li se jkollhom iben u dawk li jitnisslu minnhom għad ikollhom l-art tagħhom u jkunu l-barka għall-ġnus kollha.
Abraham u Sara telqu lejn Kangħan, li kienet l-art li Alla wiegħed li tkun ta’ nisilhom warajhom. Meta kienu anzjani sewwa, kellhom iben li semmewh Iżakk. Iżakk, imbagħad, kellu żewġ ulied subien, Ġakobb u Għesaw. It-tmiem tal-ktieb tal-Ġenesi jħallina bil-familja ta’ Ġakobb tgħix fl-Eġittu. Wieħed minn uliedu, Ġużeppi, laħaq gvernatur fl-Eġittu, imma hu dejjem emmen li Alla kien se jżomm kelmtu mal-poplu tiegħu.
U Ġużeppi qal lil ħutu: “jien se mmut, u Alla għad iżurkom żgur u jtellagħkom minn din l-art lejn l-art li ħalef lil Abraham, lil Iżakk u lil Ġakobb (50,24).
It-taqsim tal-ktieb
Il-ħolqien tal-univers u l-bniedem (1,1—2,25)
Il-bidu tad-dnub u t-tbatijiet (3,1-24)
Minn Adam sa Noè (4,1—5,32)
Noè u d-dilluvju (6,1—10,32)
It-torri ta’ Babel (11,1-9)
Minn Sem sa Abram (11,10-26)
Il-Patrijarki: Abraham, Iżakk, Ġakobb (11,27—36,43)
Ġużeppi u ħutu (37,1—45,28)
Ulied Iżrael fl-Eġittu (46,1—50,26)
اکنون انتخاب شده:
ĠENESI Ħarsa ħafifa lejn il-ktieb: MB20
هایلایت
کپی
مقایسه
به اشتراک گذاشتن
می خواهید نکات برجسته خود را در همه دستگاه های خود ذخیره کنید؟ برای ورودثبت نام کنید یا اگر ثبت نام کرده اید وارد شوید
Maltese DC Bible © Malta Bible Foundation, 2020.