Лого на YouVersion
Икона за пребарување

ĠENESI 4

4
Kapitlu 4
Kajjin u Abel
1U Adam għaraf lil martu Eva, u din tqalet u wildet lil Kajjin, għax qalet: “Għamilt bniedem mal-Mulej#4,1: Għamilt bniedem mal-Mulej: Mat-test Lhudi. Il-verżjoni Griega tat-Testment il-Qadim li fuqha jimxu l-kotra tat-traduzzjonijiet tittraduċi: “Ksibt bniedem bl-għajnuna tal-Mulej.”.” 2U mbagħad wildet lil ħuh Abel.
U Abel kien ragħaj in-nagħaġ u Kajjin ħaddiem ir-raba’. 3Ġara wara xi żmien li Kajjin għamel offerta mill-frott tal-art lill-Mulej; 4u Abel offra wkoll hu mill-bikri tal-merħla tiegħu u mill-grass tagħhom. U l-Mulej ħares lejn Abel u l-offerta tiegħu.#Eż 34,19; Lhud 11,4. 5Imma lejn Kajjin u lejn l-offerta tiegħu ma ħarisx; u Kajjin għalhekk saħan sewwa u wiċċu tqarras. 6U l-Mulej qal lil Kajjin: “Għala sħant u għala għaddast rasek? 7Jaqaw mhux minnu dak li jekk tagħmel it-tajjeb terfa’ rasek? Imma jekk ma tagħmilx it-tajjeb id-dnub bħal xitan jissajja wara biebek. U hu xewqan għalik, imma inti tista’ trażżnu.”#Sir 7,1; Ġuda 11.
8U Kajjin qal lil ħuh Abel: “Ħa mmorru fir-raba’.” U kif kienu fir-raba’ Kajjin qam għal ħuh Abel, u qatlu.#Għerf 10,3; Mt 23,35; Lq 11,51; 1 Ġw 3,12. 9U l-Mulej qal lil Kajjin: “Fejn hu ħuk Abel?” U hu wieġbu: “Ma nafx. Jaqaw jien għassies ta’ ħija?” 10U l-Mulej wieġbu: “X’għamilt! Leħen id-demm ta’ ħuk qiegħed jgħajjatli mill-art.#Mt 23,35. 11U issa misħut int mill-art li fetħet fommha u laqgħet id-demm ta’ ħuk minn idejk.#Dt 27,24. 12Meta int taħdem l-art ma tagħtikx aktar ġidha. Int tibqa’ tiġġerra maħrub ’l hemm u ’l hawn fl-art.” 13U Kajjin qal lill-Mulej: “Il-kastig tiegħi kbir wisq biex nerfgħu. 14Ara, int keċċejtni llum minn wiċċ l-art u jkolli ninħeba minn quddiem wiċċek; u nibqa’ niġġerra maħrub ’l hemm u ’l hawn fuq l-art; u kull min isibni joqtolni.” 15U l-Mulej wieġbu: “Mhux hekk! Kull min joqtol lil Kajjin iħallas seba’ darbiet.” U l-Mulej għamel sinjal fuq Kajjin biex kull min isibu ma joqtlux. 16U Kajjin ħareġ minn quddiem il-Mulej u mar jgħammar f’art Nod, fuq il-Lvant tal-Għeden.
In-nisel ta’ Kajjin
17Kajjin għaraf lil martu, u din tqalet u wildet lil Ħenok; u hu beda jibni belt u semmieha Ħenok b’isem ibnu. 18U lil Ħenok twelidlu Għirad, u Għirad wiled lil Meħujjel, u Meħujjel wiled lil Metusajel, u Metusajel wiled lil Lamek. 19U Lamek ħa żewġ nisa: waħda kien jisimha Għada u l-oħra Silla. 20Għada wildet lil Ġabal, li kien missier dawk li jgħixu fl-għerejjex u jrabbu l-imrieħel. 21U ħuh kien jismu Ġubal, li kien missier dawk li jdoqqu ċ-ċetra u l-flawt. 22U Silla wkoll wildet lil Tubal-Kajn, li kien ħaddied, jaħdem l-għodod tal-bronż u l-ħadid. U oħt Tubal-Kajn kienet Nagħma.
23U Lamek qal lin-nisa tiegħu:
“Għada u Silla isimgħu leħni;
nisa ta’ Lamek, agħtu widen għal kliemi.
Qtilt raġel għax ġeraħni,
u żagħżugħ għax benġilni. 24Għax seba’ darbiet jitħallas Kajjin,
imma Lamek sebgħa u sebgħin darba.”
It-twelid ta’ Set
25U Adam għaraf lil martu u wildet tifel u semmietu Set, għax qalet: “Għax Alla tani nisel ieħor flok Abel, li qatlu Kajjin.”
26U ’l Set ukoll twelidlu iben u semmieh Enos; imbagħad bdew isejħu isem il-Mulej.#Eż 3,14; 1 Kron 1,1; Lq 3,38.

Селектирано:

ĠENESI 4: MB20

Нагласи

Сподели

Копирај

None

Дали сакаш да ги зачуваш Нагласувањата на сите твои уреди? Пријави се или најави се