ĠENESI 17

17
Kapitlu 17
Il-patt taċ-ċirkonċiżjoni
1U Abram kellu disgħa u disgħin sena meta deherlu l-Mulej u qallu: “Jien El-Xaddaj#17,1: El-Xaddaj: it-traduzzjoni ‘Alla li jista’ kollox’ mhijiex eżatta; tifsira sewwa ma nafuhiex.. Imxi quddiemi u kun perfett.#Ġen 5,22-24; 6,9; 9,9; 35,11; Eż 6,3. 2U jien nagħmel patt bejni u bejnek, u nkattrek fuq li nkattrek.”#Ġen 12,2; 13,16; Eż 32,13.
3U Abram inxteħet wiċċu fl-art, u Alla kellmu u qallu: 4“Hawn jien. Ara l-patt tiegħi miegħek: Int tkun missier ta’ ħafna ġnus.#Sir 44,21. 5U ma tissejjaħx aktar Abram, imma Abraham ikun ismek, għax missier ħafna ġnus nagħmel minnek.#Neħ 9,7; Rum 4,17. 6U jiena nkattrek fuq li nkattrek, u nagħmel minnek ġnus sħaħ, u slaten joħorġu minnek. 7U jien nagħmel il-patt tiegħi bejni u bejnek, bejni u bejn nislek warajk skont il-ġenerazzjonijiet tagħhom, patt għal dejjem, li nkun Alla tiegħek u ta’ nislek għal dejjem warajk.#S 105,42; Lq 1,55; Gal 3,16. 8U jien nagħti lilek u lil nislek l-art fejn int frustier, l-art kollha ta’ Kangħan, biex tkun tiegħek għal dejjem, u jiena nkun Alla tagħhom.”#Ġen 12,7; Eż 32,13; Dt 1,8; 14,2; Lq 1,55; Atti 7,5.
9U Alla żied jgħid lil Abraham:
“U int iżżomm il-patt tiegħi,
int u nislek warajk,
skont il-ġenerazzjonijiet tagħhom.”
10Dan hu l-patt li għandkom tħarsu bejni u bejnkom, u bejni u bejn nislek warajk għal dejjem: aħtnu kull raġel fostkom#17,10: Aħtnu kull raġel fostkom: iċ-ċirkonċiżjoni kienet tinsab fost popli oħra wkoll. F’Iżrael ħadet tifsira reliġjuża, jiġifieri li wieħed hu membru tal-poplu ta’ Alla..#Ġw 7,22; Atti 7,8; Rum 4,11-12. 11Intom tkun maħtuna fil-laħam ta’ ġisimkom, u dan ikun sinjal bejni u bejnkom.#Sir 44,20. #Ġen 17,24; 21,4. 12Jinħaten kull tifel tagħkom ta’ tmint ijiem fil-ġenerazzjonijiet tagħkom, sew jekk ikun imwieled f’darek, sew il-mixtri bil-flus mingħand il-barrani li ma jkunx min-nisel tiegħek.#Lev 12,3; Lq 1,59; 2,21. 13Jinħaten sew dak li jkun imwieled f’darek, sew dak li jkun mixtri bi flusek. U l-patt tiegħi jkun minqux f’laħamkom b’patt għal dejjem. 14U r-raġel li ma jinħatinx f’ġismu, jiġifieri li ma jinqatagħlux il-laħam ta’ ġismu, jinqata’ dan ir-raġel mill-bqija tal-poplu tiegħu, għax ikun kiser il-patt tiegħi.”
Il-wegħda lil Saraj
15U Alla żied jgħid lil Abraham: “Saraj martek, ma jkunx jisimha aktar Saraj, imma Sara jkun isimha.#Ġen 18,9-15. 16Għax jiena nberikha u minnha wkoll nagħti lilek iben. U jien inberikha u tkun omm ta’ popli li minnha joħorġu slaten ta’ ġnus.”#Gal 4,23. 17U nxteħet għal wiċċu fl-art Abraham u daħak, u qal f’qalbu: “Huwa wieħed ta’ mitt sena jitweldulu t-tfal? U Sara mara ta’ disgħin sena tista’ tiled?”#Ġen 21,6; Rum 4,19.
18U Abraham qal lil Alla: “Jalla Ismagħel ikun taħt għajnejk.” 19U Alla wieġbu: “Le! Sara, martek, tilidlek iben u ssemmih Iżakk, u jien nagħmel il-patt tiegħi miegħu għal dejjem, u ma’ nislu warajh.#Ġen 11,30; 21,2. 20Dwar Ismagħel, smajtek. Ara, jiena nbierku, inkattru u nkabbru ħafna ħafna. Ikun il-missier ta’ tnax-il prinċep; u nagħmel minnu ġens kbir.#Ġen 16,10; 21,13; 25,12-16. 21Imma l-patt tiegħi nagħmlu ma’ Iżakk, li għad tilidlek Sara bħal dan iż-żmien sena oħra.”#Ġen 18,14; 21,2; 26,2-5; Rum 9,7.
22U Alla temm jitkellem miegħu, u tala’ minn quddiem Abraham. 23U Abraham qabad lil Ismagħel, ibnu, u lil kull min kien twieled f’daru, u ’l kull min kien xtrah bil-flus, kull raġel fost in-nies ta’ dar Abraham; u ħatinhom fil-laħam ta’ ġisimhom dak in-nhar stess kif kien qallu Alla. 24U Abraham kellu disgħa u disgħin sena meta nħaten fil-laħam ta’ ġismu.#Ġen 17,10; Rum 4,11. 25Ibnu Ismagħel kellu tlettax-il sena meta nħaten fil-laħam ta’ ġismu. 26Dak in-nhar stess inħatnu Abraham u Ismagħel ibnu. 27U l-irġiel kollha ta’ daru, dawk li twieldu f’daru, u dawk li kienu mixtrija bil-flus mingħand il-barrani, inħatnu miegħu.

தற்சமயம் தேர்ந்தெடுக்கப்பட்டது:

ĠENESI 17: MB20

சிறப்புக்கூறு

பகிர்

நகல்

None

உங்கள் எல்லா சாதனங்களிலும் உங்கள் சிறப்பம்சங்கள் சேமிக்கப்பட வேண்டுமா? பதிவு செய்யவும் அல்லது உள்நுழையவும்