EŻODU 10
10
Kapitlu 10
Il-ġradijiet
1Il-Mulej qal lil Mosè: “Mur għand il-Fargħun, għax jien webbistlu qalbu u qalb il-qaddejja tiegħu, biex nagħmel dawn is-sinjali tiegħi f’nofshom, 2u biex ixxandar u ssamma’ f’widnejn ibnek u wlied ibnek li jien qgħadt nitliegħeb bl-Eġizzjani, u s-sinjali li jien għamilt ġo nofshom, sabiex tkun tafu li jien il-Mulej.”#Eż 12,36; 13,8; Dt 4,9; 6,20-25.
3U Mosè u Aron marru għand il-Fargħun u qalulu: “Dan jgħid il-Mulej, Alla tal-Għebrej: ‘Kemm se ddum ma tbaxxi rasek quddiemi? Itlaq lill-poplu tiegħi biex iqimni. 4Jekk inti tibqa’ ma tridx tibgħat lill-poplu tiegħi, arani, għada nġib il-ġradijiet fl-art ta’ pajjiżek. 5U huma jiksu wiċċ l-art, u ħadd ma jkun jista’ jaraha, u jieklu minn dak li ħallielkom is-silġ, u jieklu kull siġra li tikbrilkom fir-raba’. 6U jimlewlek djarek u d-djar tal-qaddejja tiegħek u d-dar ta’ kull Eġizzjan; ħaġa li qatt ma raw missirijietek, u missier missirijietek minn mindu ilkom fuq l-art sal-lum.’ ” U Mosè dawwar wiċċu u ħareġ minn quddiem il-Fargħun.
7U l-qaddejja tal-Fargħun qalulu: “Kemm se jdum ifixkilna dan il-bniedem? Itlaq l-irġiel ħa jmorru jagħtu qima lill-Mulej Alla tagħhom. Għadek ma fhimtx li l-Eġittu se jsir ħerba?” 8U Mosè u Aron reġgħu lura għand il-Fargħun u qalilhom: “Morru agħtu qima lill-Mulej tagħkom. Imma min huma dawk li sejrin?” 9U Mosè wieġeb: “Aħna sejrin biż-żgħażagħ u x-xjuħ tagħna, b’uliedna, bis-subien u l-bniet tagħna, bin-nagħaġ u l-baqar tagħna. Għax għalina din hi l-festa tal-Mulej.” 10U hu weġibhom: “Hekk ikun! Daqs kemm hu l-Mulej magħkom, ma nitlaqx lilkom u liż-żgħar tagħkom. Ħsieb ħażin għandkom f’raskom! 11Mhux hekk, jitilqu biss l-irġiel u jagħtu qima lill-Mulej, għax dan li intom tridu.” U keċċewhom minn quddiem il-Fargħun.
12U l-Mulej qal lil Mosè: “Midd idek fuq l-art tal-Eġittu biex jiġu l-ġradijiet fuq l-art tal-Eġittu, u jieklu l-ħaxix kollu tal-art, u kulma ħalla sħiħ is-silġ.”#S 78,46; 105,34-35. 13U Mosè medd il-ħatar tiegħu fuq l-art tal-Eġittu; il-Mulej qajjem riħ mix-Xlokk il-jum u l-lejl kollu, mas-sebħ ir-riħ mix-Xlokk kien ġieb il-ġradijiet. 14U l-ġradijiet telgħu fuq l-art tal-Eġittu, u strieħu fuq ir-raba’ kollu tal-Eġittu, kotra kbira ħafna, li bħalha qatt ma kien hemm qabel, u anqas ikun hemm wara. 15U ksew wiċċ l-art kollha. L-art iddallmet bihom, u kielu l-ħaxix kollu tal-art, u l-frott tas-siġar kollha li kien ħalla s-silġ, u ma baqax werqa ħadra mis-siġar u mill-ħaxix tar-raba’ fl-art kollha tal-Eġittu. 16Il-Fargħun bagħat malajr għal Mosè u Aron u qalilhom: “Dnibt kontra l-Mulej, Alla tagħkom, u kontra tagħkom. 17U issa aħfruli dnubi għal din id-darba, u itolbu lill-Mulej, Alla tagħkom, li jwarrab minn quddiemi din il-qerda.” 18U telqu minn quddiem il-Fargħun u talbu lill-Mulej, 19u l-Mulej qajjem riħ qawwi mill-baħar u rafa’ l-ġradijiet, u ġarrhom għal Baħar il-Qasab#10,19: Baħar il-Qasab: jew il-Baħar l-Aħmar mit-traduzzjoni Griega erythran thalassan, bil-Lhudi jammah suf, Baħar il-Qasab; dan ifisser li kien xi port mistagħdar mimli qasab u pjanti oħra ta’ din ix-xorta fuq it-Tramuntana tal-Baħar l-Aħmar.; u ma baqax ġrad wieħed fl-art kollha tal-Eġittu. 20U webbes il-Mulej qalb il-Fargħun; u dan lil ulied Iżrael ma telaqhomx.
Id-dlam
21U l-Mulej qal lil Mosè: “Erfa’ idek lejn is-sema, ħa taqa’ dalma fuq l-Eġittu, dalma li tmissha b’idejk.”#Għerf 17,1—18,4. 22U Mosè għolla idu lejn is-sema, u sar dlam ċappa, fl-art kollha tal-Eġittu għal tlitt ijiem.#S 105,28; Apk 16,10. 23Ma kinux jaraw wieħed lil ieħor, u ħadd ma qam għal tlitt ijiem sħaħ minħabba d-dlam. U fejn kienu joqogħdu wlied Iżrael kien hemm id-dawl. 24U l-Fargħun bagħat għal Mosè u qallu: “Morru agħtu qima lill-Mulej. Biss in-nagħaġ u l-baqar tagħkom ħalluhom warajkom, ħudu magħkom ’l uliedkom biss.” 25U Mosè wieġeb: “Int ikollok tagħtina wkoll f’idejna vittmi għas-sagrifiċċji u l-offerti, biex noffruhom lill-Mulej, Alla tagħna. 26L-imrieħel tagħna wkoll għandhom jiġu magħna; ma għandu jibqa’ anqas difer wieħed, għax minnhom irridu nieħdu biex nagħtu qima lill-Mulej; u aħna ma nafux biex se nqimu lill-Mulej qabel ma naslu hemm.” 27Imma l-Mulej webbes qalb il-Fargħun u ma riedx jitlaqhom. 28U l-Fargħun qallu: “Itlaq minn quddiemi. Qis li ma tiġix iżjed tara ’l wiċċi, għax dak in-nhar li tara ’l wiċċi tmut.” 29U Mosè wieġeb: “Kif għedt int. Wiċċek aktar ma narahx.”
Currently Selected:
EŻODU 10: MB20
Highlight
Copy
Compare
Share
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Foundation, 2020.