EŻODU 9
9
Kapitlu 9
Il-pesta
1Il-Mulej kellem lil Mosè: “Mur għand il-Fargħun u għidlu: ‘Hekk jgħid il-Mulej, Alla tal-Għebrej: Itlaq lill-poplu tiegħi ħalli jagħtini qima. 2Għaliex jekk inti ma tridx titlaqhom u tibqa’ żżommhom, 3id il-Mulej tinżel fuqek u ġġiblek pesta qalila fuq l-imrieħel tiegħek li hemm fir-raba’, u ż-żwiemel, il-ħmir, l-iġmla, il-baqar u n-nagħaġ.#S 78,48. 4Imma l-Mulej jagħmel għażla bejn l-imrieħel ta’ Iżrael u l-imrieħel tal-Eġittu, u xejn ma jmut minn dak li hu ta’ wlied Iżrael.’ ” 5U l-Mulej għażel iż-żmien u qal: “Għada l-Mulej jagħmel dan fl-art.” 6U l-għada l-Mulej għamel dan. U mietu l-imrieħel kollha tal-Eġittu, u mill-imrieħel ta’ wlied Iżrael ma miet ħadd. 7U l-Fargħun bagħat jara; u, ara, ma kienet mietet anqas waħda mill-imrieħel ta’ Iżrael. Imma qalb il-Fargħun twebbset, u ma telaqx il-poplu.
L-infafet
8U l-Mulej qal lil Mosè u ’l Aron: “Ħudu daqs ponn irmied tal-kenur, u ħalli Mosè jtajru lejn is-sema quddiem il-Fargħun, 9u jsir għabra għal fuq l-art kollha tal-Eġittu, u jġib dbabar li jintefħu fi nfafet fuq in-nies u l-bhejjem kollha fl-art tal-Eġittu.” 10U ħadu l-irmied tal-kenur, u marru quddiem il-Fargħun, u Mosè tajru lejn is-sema; u sar dbabar li jintefħu fi nfafet fuq in-nies u l-bhejjem.#Apk 16,2. 11U s-saħħara ma setgħux jieqfu quddiem Mosè minħabba d-dbabar; għax id-dbabar kienu fuq is-saħħara u fuq l-Eġizzjani kollha. 12Iżda l-Mulej webbes qalb il-Fargħun, u ma tahomx widen, kif kien qalilhom il-Mulej.
Is-silġ
13U l-Mulej qal lil Mosè: “Qum filgħodu kmieni u mur quddiem il-Fargħun u għidlu: ‘Dan jgħid il-Mulej, Alla tal-Għebrej: Itlaq lill-poplu tiegħi biex jagħtini qima. 14Din id-darba nerħi fuqek is-swat tiegħi kollu, fuq il-qaddejja tiegħek, u fuq il-poplu tiegħek kollu, biex tkun taf li mhawnx bħali fl-art kollha. 15Għax kieku s’issa middejt idi, u lqatt lilek u lill-poplu tiegħek bil-pesta, kont tkun diġà meqrud mill-art. 16Imma għalhekk jien ħallejtek tgħix, biex nurik il-qawwa tiegħi u ismi jixxandar mal-art kollha.#Rum 9,17. 17U int għadek imkabbar mal-poplu tiegħi, u ma tħallihomx jitilqu. 18Hawn issa, arani, se nibgħat għada bħalissa xita ta’ silġ bil-qliel, li bħalha qatt ma kien hawn fl-Eġittu minn mindu twaqqaf sal-lum. 19Għalhekk issa ibgħat u iġbor għall-kenn l-imrieħel u kulma għandek fir-raba’, għax ix-xita tas-silġ se tilħaq lil kull bniedem u bhima li jkunu barra fir-raba’ u ma jinġabrux id-dar, u jmutu.’ ” 20U mbagħad il-qaddejja tal-Fargħun, li kienu jibżgħu mill-kelma tal-Mulej, ġabru malajr il-qaddejja u l-imrieħel tagħhom fi djarhom. 21Imma dawk li ma tawx widen għall-kelma tal-Mulej, ħallew il-qaddejja u l-imrieħel tagħhom fir-raba’.
22U l-Mulej qal lil Mosè: “Midd idek lejn is-sema u jinżel silġ fuq l-art kollha tal-Eġittu, fuq in-nies, fuq il-bhejjem u fuq il-ħaxix kollu tar-raba’ fl-art tal-Eġittu. 23U Mosè għolla l-ħatar tiegħu lejn is-sema u l-Mulej bagħat ragħad u silġ, u nar iżiġġ lejn l-art, u xita ta’ silġ fuq l-art tal-Eġittu.#S 78,47-48; 105,32; Apk 16,21. 24Niżel is-silġ, in-nar żiġġ f’nofs is-silġ, kienet tempesta kbira li bħalha qatt ma kien hemm minn mindu l-Eġittu sar poplu. 25Is-silġ laqat l-art kollha tal-Eġittu u ħarbat kulma kien hemm fir-raba’, min-nies sal-bhejjem u l-ħaxix kollu tar-raba’ u s-siġar kollha tar-raba’, kissirhom is-silġ. 26Biss fl-art ta’ Gosen, fejn kien hemm ulied Iżrael, ma kienx hemm silġ.#Ġen 47,1-2.
27Il-Fargħun bagħat għal Mosè u Aron, u qalilhom: “Din id-darba għandi ħtija. Il-Mulej għandu raġun, u jien u l-poplu tiegħi huma l-ħatja. 28Itolbu lill-Mulej, għax kien hawn biżżejjed ragħad ta’ Alla u silġ; jien nitlaqkom u ma toqogħdux aktar hawn.” 29U Mosè wieġbu: “Malli noħroġ mill-belt ngħolli idejja lejn il-Mulej; ir-ragħad jieqaf, u s-silġ ma jinżilx aktar, biex tkun taf li l-art hi tal-Mulej.#Dt 10,14; S 24,1. 30Iżda jien naf li int u l-qaddejja tiegħek għadkom ma tibżgħux mill-Mulej Alla.” 31Il-kittien u x-xgħir tħarbtu, għaliex ix-xgħir kien bis-sbul u l-kittien kien bl-inwar. 32Imma l-qamħ u l-ġulbiena ma ġralhom xejn, għax dawn isiru fl-aħħar.
33Mosè telaq minn quddiem il-Fargħun, u ħareġ mill-belt, u għolla idejh lejn il-Mulej, u waqaf ir-ragħad; u s-silġ u x-xita ma niżlux aktar fuq l-art. 34Malli l-Fargħun ra li x-xita u r-ragħad u s-silġ waqfu, kompla jidneb u webbes qalbu, hu u l-qaddejja tiegħu. 35U qalb il-Fargħun twebbset, u ma telaqx lil ulied Iżrael - kif kien qal il-Mulej permezz ta’ Mosè.
Currently Selected:
EŻODU 9: MB20
Highlight
Copy
Compare
Share
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Foundation, 2020.