EŻODU 8
8
Kapitlu 8
1Il-Mulej qal lil Mosè: “Għid lil Aron: ‘Midd idek bil-ħatar fuq ix-xmajjar, fuq is-swieqi u fuq l-għadajjar u tella’ ż-żrinġijiet għal fuq l-art tal-Eġittu.’ ”#S 78,45; 105,30. 2Aron medd idu fuq l-ilmijiet tal-Eġittu; u tella’ ż-żrinġijiet u dawn ksew l-art tal-Eġittu. 3U s-saħħara bis-sħarijiet tagħhom tellgħu huma wkoll iż-żrinġijiet għal fuq l-art tal-Eġittu.
4Imbagħad il-Fargħun sejjaħ lil Mosè u lil Aron u qalilhom: “Itolbu lill-Mulej ineħħi ż-żrinġijiet minn dari, minn fost il-poplu tiegħi, u jien nibgħat lill-poplu biex joffri s-sagrifiċċji lill-Mulej.” 5U Mosè wieġeb lill-Fargħun: “Meta jogħġbok, għidli meta tridni nitlob għalik u għall-qaddejja tiegħek u għall-poplu tiegħek, biex jinqerdu ż-żrinġijiet minnek u minn darek u mill-qaddejja tiegħek, u jibqgħu biss fin-Nil.” 6U l-Fargħun wieġeb: “Għada.” U Mosè wieġeb: “Kif għedt isir, biex tkun taf li ħadd m’hemm bħall-Mulej, Alla tagħna. 7Iż-żrinġijiet jitbiegħdu minnek, u minn darek, u mill-qaddejja tiegħek, u jibqgħu biss fin-Nil.” 8U Mosè u Aron ħarġu minn quddiem il-Fargħun; u Mosè għajjat u sejjaħ lill-Mulej minħabba ż-żrinġijiet kif kien ftiehem mal-Fargħun. 9Il-Mulej għamel kif talbu Mosè u mietu ż-żrinġijiet fid-djar, fl-irħula u fir-raba’. 10U ġabruhom gods gods, u l-art nitnet. 11Meta l-Fargħun ra li l-art ħadet ir-ruħ qalbu twebbset u ma tahomx widen, kif kien qalilhom il-Mulej.
In-nemus
12U l-Mulej qal lil Mosè: “Għid lil Aron, ‘Ħu u midd il-ħatar tiegħek u olqot bih it-trab tal-art u jinbidel f’nemus fl-art kollha tal-Eġittu.’ ”#S 105,31. 13U għamlu hekk; Aron midd idu bil-ħatar u laqat it-trab tal-art u sar nemus fuq in-nies u l-bhejjem, għax it-trab tal-art sar nemus fl-art kollha tal-Eġittu. 14U s-saħħara għamlu l-istess bis-sħarijiet tagħhom biex joħorġu n-nemus mit-trab, iżda ma setgħux. In-nemus kien fuq in-nies u l-bhejjem.#Għerf 17,7. 15U s-saħħara qalu lill-Fargħun: “Is-saba’ ta’ Alla dan!”. Iżda qalb il-Fargħun twebbset u ma tahomx widen, bħalma kien qalilhom il-Mulej.
Id-dubbien
16U l-Mulej qal lil Mosè: “Qum filgħodu kmieni u mur quddiem il-Fargħun, ara, hu joħroġ lejn ix-xmara u inti għidlu: ‘Dan jgħid il-Mulej: Ibgħat il-poplu tiegħi biex jagħtini qima. 17Għax jekk ma tibgħatx il-poplu tiegħi, arani, se nibgħatlek id-dubbien, lilek u lill-qaddejja tiegħek u l-poplu tiegħek u fid-djar tiegħek; u jimtlew id-djar tal-Eġittu bid-dubbien u wkoll l-art li huma fuqha.#S 78,45. 18Dakinhar nifred l-art ta’ Gosen, li fiha qiegħed jgħix il-poplu tiegħi, sabiex hemm ma jkunx hemm dubbien, biex tkun taf li jien il-Mulej f’nofs l-art.#Ġen 47,1-2. 19U jien nagħmel għażla bejn il-poplu tiegħi u bejn il-poplu tiegħek; u dan is-sinjal iseħħ għada.’ ” 20U hekk għamel il-Mulej; u daħlu qtajja’ ta’ dubbien fid-dar tal-Fargħun, fid-djar tal-qaddejja tiegħu, u fl-art kollha tal-Eġittu, u tħassret l-art minħabba d-dubbien.#S 78,45; 105,31; Għerf 16,9.
21Il-Fargħun sejjaħ lil Mosè u ’l Aron u qalilhom: “Morru u offru sagrifiċċji lil Alla tagħkom fil-pajjiż.” 22U Mosè wieġeb: “Mhux sewwa li nagħmlu dan, għaliex ma togħġobx lill-Eġizzjani#8,22: Ma togħġobx lill-Eġizzjani: din tista’ tkun skuża ta’ Mosè; iżda hu veru li għall-Eġizzjani s-sagrifiċċju jew qtil ta’ annimali li huma kienu jqimu kienu jqisuh bħallikieku sagrileġġ. li aħna noffru s-sagrifiċċji lill-Mulej, Alla tagħna. U jekk aħna noffru xi ħaġa quddiemhom, li jistkerrhu l-Eġizzjani, ma jħaġġruniex? 23Ħalli mmorru tlitt ijiem ’il bogħod fid-deżert, u noffru s-sagrifiċċji lill-Mulej, Alla tagħna, kif jgħidilna hu.” 24U l-Fargħun wieġeb: “Jiena se nħallikom tmorru u intom toffru s-sagrifiċċji lill-Mulej, Alla tagħkom, fid-deżert. Biss tmorrux ’il bogħod wisq, u itolbu għalija.” 25U Mosè wieġeb: “Arani, jien ħiereġ minn quddiemek u nitlob lill-Mulej għalik biex id-dubbien jitlaq lill-Fargħun u l-qaddejja tiegħu u l-poplu tiegħu, għada stess. Biss il-Fargħun ma għandux ikompli jqarraq bina, billi ma jħallix il-poplu jitlaq u jmur joffri s-sagrifiċċji lill-Mulej.” 26U Mosè ħareġ minn quddiem il-Fargħun u talab lill-Mulej. 27U l-Mulej għamel kulma qallu Mosè, u d-dubbien warrab mingħand il-Fargħun, u l-qaddejja tiegħu, u minn fuq il-poplu; u lanqas waħda ma baqgħet. 28Iżda qalb il-Fargħun reġgħet twebbset din id-darba wkoll, u ma telaqx il-poplu.
Currently Selected:
EŻODU 8: MB20
Highlight
Copy
Compare
Share
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Foundation, 2020.