EŻODU 7
7
Kapitlu 7
1U l-Mulej wieġeb lil Mosè: “Arani, jien nagħmlek qisek Alla għall-Fargħun; u Aron ħuk ikun il-profeta tiegħek.#Eż 4,16. 2Int tgħidlu kulma nordnalek jien, u Aron ħuk ikellem lill-Fargħun biex jibgħat lil ulied Iżrael minn artu. 3U jien inwebbes qalb il-Fargħun, u għalkemm nagħmel kotra ta’ sinjali u mirakli fl-art tal-Eġittu#7,3: Mirakli fl-art tal-Eġittu: il-kastigi ta’ Alla kontra l-Eġizzjani jixbhu ħafna lill-ġrajjiet naturali proprji ta’ dik l-art. Dan ma jfissirx li ma kienx hemm azzjoni soprannaturali, jiġifieri mirakli, imma li Alla nqeda bl-istess forzi u fenomeni naturali biex jilħaq l-iskop tiegħu. Dawn il-kastigi huma ordnati b’mod li jilħqu l-quċċata tagħhom bil-mewt tal-ulied il-kbar tal-Eġizzjani.,#Eż 4,21; S 135,9; Atti 7,36. 4b’dan kollu l-Fargħun ma jismax minnkom. U mmidd idejja fuq l-Eġittu u noħroġ il-qtajja’ tal-poplu tiegħi, ’l ulied Iżrael, mill-art tal-Eġittu, u nagħmel ħaqq minnhom b’kastigi kbar. 5U l-Eġizzjani mbagħad jagħrfu li jien il-Mulej, meta mmidd idejja fuq l-Eġittu, u noħroġ lil ulied Iżrael minn ġo nofshom.” 6U hekk għamlu Mosè u Aron, għamlu kif ordnalhom il-Mulej. 7U Mosè kellu tmenin sena u Aron tlieta u tmenin meta kellmu lill-Fargħun.
Il-ħatar isir serp
8U l-Mulej kellem lil Mosè u ’l Aron u qalilhom:#S 78; 105; Għerf 11,14-20. 9“Meta l-Fargħun ikellimkom u jgħidilkom: ‘Agħmlu xi miraklu’, inti għid lil Aron: ‘Ħu l-ħatar tiegħek, u ixħtu fl-art quddiem il-Fargħun. Dan isir serp.’ ”#Eż 4,2-3. 10U Mosè u Aron marru quddiem il-Fargħun u għamlu hekk kif kien ordnalhom il-Mulej: Aron xeħet il-ħatar tiegħu quddiem il-Fargħun u l-qaddejja tiegħu, u dan sar serp. 11Imbagħad il-Fargħun sejjaħ l-għorrief u s-saħħara; u huma wkoll, is-saħħara tal-Eġittu, għamlu hekk bis-sħarijiet tagħhom. 12Kull wieħed xeħet il-ħatar tiegħu, u dawn saru sriep. Imma l-ħatar ta’ Aron bala’ l-oħtra tagħhom. 13Il-qalb tal-Fargħun twebbset u ma samax minnhom, kif kien qal il-Mulej.
L-ilma jsir demm
14U l-Mulej qal lil Mosè: “Qalb il-Fargħun twebbset, u ma jridx jitlaq il-poplu.#Għerf 11,6-8. 15Mur għand il-Fargħun filgħodu, hu u ħiereġ lejn ix-xmara, u oqgħod stennieh ħdejn ix-xatt biex tkellmu, u ħu f’idejk il-ħatar li kien inbidel f’serp. 16U int għidlu: ‘Il-Mulej, Alla tal-Għebrej, bagħatni għandek ngħidlek: Itlaq il-poplu tiegħi biex jagħtini qima fid-deżert, u int s’issa ma smajtx. Dan jgħid il-Mulej: 17‘B’dan tagħraf li jien il-Mulej: Arani se nagħti b’dan il-ħatar fuq l-ilma tan-Nil u dan isir demm,#Eż 4,9. 18u jmut il-ħut li hemm fin-Nil, u tinten in-Nil u l-Eġizzjani jiddardru jixorbu minnha.’ ” 19U l-Mulej kellem lil Mosè: “Għid lil Aron: ‘Ħu l-ħatar tiegħek u midd idek fuq l-ilmijiet tal-Eġittu, fuq ix-xmajjar tagħhom, fuq is-swieqi tagħhom, fuq l-għadajjar u l-ġwiebi kollha tal-ilma tagħhom, u dawn isiru demm. U jkun hemm id-demm mal-art kollha tal-Eġittu, sew fil-ġarar tal-għuda sew fil-ġarar tal-ġebel.’ ”#Apk 16,4-7.
20U għamlu hekk Mosè u Aron, kif ordnalhom il-Mulej. Aron rafa’ idu u ta daqqa fuq l-ilma tan-Nil quddiem il-Fargħun u l-qaddejja tiegħu. U l-ilma kollu li hemm fin-Nil sar demm. 21U l-ħut li hemm fix-xmara miet, u nitnet in-Nil u l-Eġizzjani ma setgħux jixorbu mill-ilma tan-Nil. U kien hemm id-demm mal-art kollha tal-Eġittu. 22U s-saħħara Eġizzjani għamlu hekk ukoll bis-sħarijiet tagħhom. U qalb il-Fargħun twebbset u ma tahomx widen, bħalma kien qalilhom il-Mulej. 23Il-Fargħun dar u raġa’ lura f’daru, u fuq dan anqas biss qagħad jaħseb. 24U l-Eġizzjani ħaffru madwar ix-xmara għall-ilma x’jixorbu, għaliex ma setgħux jixorbu mill-ilma tax-xmara.
Iż-żrinġijiet
25Għaddew sebat ijiem minn meta l-Mulej ħabat għax-xmara. 26Imbagħad il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: “Mur għand il-Fargħun, u għidlu: ‘Dan qal il-Mulej: Ibgħat il-poplu tiegħi biex jagħtini qima. 27U jekk inti ma tridx tibgħathom, arani, jien sa nimlielkom l-art kollha biż-żrinġijiet. 28Ix-xmara Nil tiżgħed biż-żrinġijiet, u jitilgħu u jidħlu f’darek, fil-kamra ta’ soddtok, fuq friexek, fid-dar tal-qaddejja tiegħek u tal-poplu tiegħek; u fil-fran u fil-lniebi tiegħek. 29Iż-żrinġijiet jitilgħu għalik, għall-poplu tiegħek u għall-qaddejja tiegħek kollha.’ ”
Currently Selected:
EŻODU 7: MB20
Highlight
Copy
Compare
Share
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Foundation, 2020.